Bord tad-Diretturi
Skont it‑termini tal‑Att tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, Kap. 204, il‑Bord tad‑Diretturi hu responsabbli għall‑politika u l‑amministrazzjoni ġenerali tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, ħlief fir‑rigward tal‑funzjonijiet imposti, u l‑eżerċizzju tal‑poteri mogħtija lill‑Bank mit‑Trattat jew taħt it‑Trattat dwar l‑Unjoni Ewropea u t‑Trattat dwar il‑Funzjonament tal‑Unjoni Ewropea jew il‑protokoll dwar l‑Istatut tas‑Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal‑Bank Ċentrali Ewropew anness mat‑Trattat. Il‑Bord jikkonsisti mill‑Gvernatur, żewġ Deputati Gvernaturi, u erba' diretturi oħra.
Wieħed mid‑Deputati Gvernaturi jappoġġa lill‑Gvernatur permezz ta' dmirijiet relatati mal‑politika monetarja u dmirijiet oħra kif jippreskrivi l‑Gvernatur. It‑tieni Deputat Gvernatur jappoġġa lill‑Gvernatur permezz ta' dmirijiet relatati mal‑istabbiltà finanzjarja u dmirijiet oħra kif jippreskrivi l‑Gvernatur.
Il‑Gvernatur għandu r‑responsabbiltà esklussiva għat‑twettiq tal‑funzjonijiet imposti, u għall‑eżerċizzju tal‑poteri mogħtija lill‑Bank mit‑Trattati jew taħt it‑Trattati u l‑Istatut. Il‑Gvernatur u ż‑żewġ Deputati Gvernaturi huma responsabbli għat‑tmexxija ta' kuljum u għall‑operazzjonijiet tal‑Bank skont il‑politika tal‑Bord, u huma responsabbli fil‑konfront tal‑Bord għall‑azzjonijiet u d‑deċiżjonijiet tagħhom.
Il‑Gvernatur u d‑Deputati Gvernaturi jinħatru mill‑President ta' Malta fuq parir tal‑Prim Ministru. Il‑Membri l‑oħra tal‑Bord jinħatru mill‑Prim Ministru. Kemm il‑Gvernaturi kif ukoll il‑Membri tal‑Bord jinħatru għal perjodu ta' ħames snin, iżda huma eliġibbli biex jerġgħu jinħatru. Il‑Bank għandu responsabbiltà fil‑konfront tal‑Kamra tar‑Rappreżentanti u l‑Gvernatur jista' jiġi mitlub li jirrapporta darba kull sitt xhur dwar it‑tmexxija tal‑Bank quddiem kumitat tal‑Kamra tar‑Rappreżentanti, li bħalissa hu l‑Kumitat għall‑Ekonomija u l‑Affarijiet Finanzjarji, u li jipprovdi lill‑kumitat bi kwalunke informazzjoni meqjusa bħala neċessarja.