Victor Busuttil inħatar bħala Membru tal‑Bord tad‑Diretturi tal‑Bank Ċentrali ta' Malta għal perjodu ta' ħames snin b'effett mill‑1 ta' Jannar 2013, wara li okkupa l‑istess kariga tul il‑perjodu 2008‑2012. Hu għandu B.A. (Hons) u M.A. fl‑Ekonomija u M.A. fix‑Xjenza Politika.
Is‑Sur Busuttil hu ex‑uffiċjal tan‑Nazzjonijiet Uniti (NU) b'erbgħa u tletin sena esperjenza f'Ġinevra u New York. Hu serva l‑biċċa l‑kbira tal‑karriera tiegħu fil‑Konferenza tan‑NU għall‑Kummerċ u l‑Iżvilupp (UNCTAD), fejn kellu karigi diplomatiċi għoljin, notevolment bħala Direttur għall‑Management u Kap, Ippjanar u Valutazzjoni tal‑Programmi, u f'dan ir‑rigward, issorvelja r‑relazzjonijiet esterni tal‑UNCTAD, u rrappreżenta l‑istituzzjoni f'diversi fora, b'mod partikolari, il‑kumitati ta' esperti tal‑Assemblea Ġenerali tan‑NU, il‑korpi intergovernattivi tal‑UNCTAD stess, il‑Kumitat Għoli tan‑NU dwar il‑Management, u ċ‑Ċentru Kummerċjali Internazzjonali tal‑UNCTAD/WTO. Fil‑parti bikrija tal‑karriera tiegħu serva bħala uffiċjal fid‑Dipartiment tal‑Management fil‑Kwartieri Ġenerali tan‑NU, fi New York.
|
|