Analiżi u sorveljanza makroprudenzjali
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta hu impenjat li jagħmel sorveljanza makroprudenzjali tas‑sistema finanzjarja biex jivvaluta s‑saħħa, is‑solidità u l‑vulnerabbiltajiet tas‑sistema finanzjarja domestika. Dan jitwettaq permezz tal‑analiżi u s‑sorveljanza tal‑iżviluppi fl‑indikaturi makroprudenzjali u data finanzjarja oħra, flimkien ma' stress tests u analiżi tax‑xenarji. Informazzjoni importanti dwar is‑swieq tinġabar permezz ta' għadd ta' eżerċizzji ta' stħarriġ li jipprovdu tagħrif essenzjali għall‑analiżi. Anke fil‑kuntest tal‑iżviluppi internazzjonali, din l‑analiżi tgħin biex tiġi identifikata kwalunkwe vulnerabbiltà fl‑istruttura u l‑funzjonijiet tas‑sistema finanzjarja domestika, u tgħin ukoll fl‑identifikazzjoni ta' dawk l‑avvenimenti internazzjonali li jistgħu jwasslu għal instabbiltà fis‑sistema domestika. Dan il‑proċess jista' jwassal għal rakkomandazzjonijiet tal‑politika maħsuba biex iħarsu l‑istabbiltà tas‑sistema finanzjarja, biex b'hekk jiġi żgurat kontribut sostenibbli tas‑settur finanzjarju għat‑tkabbir ekonomiku.
Stress Tests
L‑analiżi makroprudenzjali ssib appoġġ permezz ta' stress tests, li jivvalutaw kemm is‑sistema finanzjarja tiflaħ għal skossi, estremi iżda realistiċi, li jistgħu jolqtu lill‑makroekonomija u lis‑swieq finanzjarji. Il‑Bank juża mudelli ta' riskju u jagħmel stress tests bl‑istess metodoloġiji u suppożizzjonijiet għall‑banek kollha li jiffokaw l-aktar fuq istituzzjonijiet ta' orjentament domestiku sabiex jikkwantifika telf potenzjali li jista' jirriżulta minħabba għadd ta' avvenimenti ta' riskju. Ir‑riżultati ta' numru ta' stress tests jiġu ppubblikati b'mod aggregat fir‑Rapport dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja u fl‑aġġornament tiegħu. Il‑Bank jipparteċipa wkoll f'eżerċizzji ta' stress tests li jsiru fl‑UE kollha u li jiġu implimentati mill‑Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) b'koordinazzjoni mal‑awtoritajiet superviżorji nazzjonali, il‑Bord Ewropew dwar ir‑Riskju Sistemiku (ESRB), il‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l‑Kummissjoni Ewropea.
Eżerċizzju tal-istress test li sar fl-UE kollha mis-CEBS fl-2010
Eżerċizzju tal-istress test li sar fl-UE kollha mill-EBA fl-2011
Evalwazzjoni Komprensiva li saret fl-2014
Evalwazzjoni Komprensiva li saret fl-2015
Stress Test li sar fl-UE kollha fl-2016
Kooperazzjoni fuq is-sorveljanza ta' sistemi ta' pagament u ta' ħlas ta' titoli
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta u l‑Awtorità għas‑Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) huma firmatarji ta' Memorandum ta' Ftehim dwar kooperazzjoni u skambju ta' informazzjoni fir‑rigward tas‑servizzi finanzjarji. Billi s‑sistemi tal‑pagamenti u ta' ħlas ta' titoli għandhom jiffunzjonaw tajjeb ukoll biex tiġi sostnuta l‑istabbiltà finanzjarja, il‑Bank, li hu responsabbli lokalment għas‑superviżjoni ta' dawn is‑sistemi, u l‑MFSA, iffirmaw Memorandum ta' Ftehim separat biex tiġi żgurata l‑kooperazzjoni f'dan is‑settur.