Id-Dipartiment Legali
Il‑funzjoni ewlenija tad‑Dipartiment Legali tal‑Bank Ċentrali ta' Malta hija li jipprovdi pariri legali dwar id‑diversi aspetti tal‑funzjonijiet u l‑operat tal‑Bank. Fil-fatt, l‑avukati tal‑Bank jagħtu pariri dwar diversi kwistjonijiet legali, kuntrattwali u operattivi, kif ukoll dwar kwistjonijiet relatati mal‑istruttura ta' governanza tal‑Bank. Funzjoni oħra importanti tad‑Dipartiment Legali hija relatata mal-proċess leġiżlattiv, partikolarment fl‑emendar u fl‑abbozzar ta' leġiżlazzjoni domestika fil‑qasam tas‑servizzi finanzjarji.
Il‑funzjoni ta' konformità regolatorja tal‑Bank ġiet assenjata lid‑Dipartiment Legali b'effett minn Ottubru 2016. Osservanza xierqa tal‑politika ta' konformità regolatorja tal‑Bank hija ssorveljata mill‑avukati tal‑Bank sabiex jikkontribwixxu għall‑insegwiment tal‑kompiti u l‑għanijiet statutorji tal‑Bank.
Parti importanti mix‑xogħol li jsir mid‑Dipartiment Legali tikkonċerna l‑Bank Ċentrali Ewropew, is‑Sistema Ewropea tal‑Banek Ċentrali (SEBĊ) u l‑Eurosistema. L‑avukati tal‑Bank jipparteċipaw b'mod attiv f'diversi kumitati u sottokumitati tas‑SEBĊ, inkluż il‑Kumitat Legali tas‑SEBĊ magħruf bħala LEGCO, il‑Financial Law Experts Group, u l‑Ethics Framework Task Force. LEGCO huwa l‑forum li fih avukati Ewropej minn banek ċentrali nazzjonali oħra jiddiskutu kwistjonijiet legali relatati ma' oqsma ċentrali tal‑Eurosistema, inkluż l‑għoti ta' sapport u pariri legali għat‑twettiq tal‑kompiti statutorji tas‑SEBĊ u tal‑kompiti superviżorji mogħtija lill‑Bank Ċentrali Ewropew.
Barra dan, id‑Dipartiment Legali jipparteċipa f'numru ta' kumitati tal‑Bank, inklużi l‑Kumitat għat‑Tmexxija, il‑Kumitat tar‑Riskju, u l‑Kumitat tas‑SEBĊ. Is‑segretarjat għall‑Kumitat Eżekuttiv tal‑Bank ġie assenjat lid‑Dipartiment Legali fl‑2018. Il‑Kumitat Eżekuttiv, li ġie stabbilit mill‑Bord tad‑Diretturi tal‑Bank, jagħti pariri lill‑Bord u lill‑Gvernaturi fit‑twettiq tar‑responsabbiltajiet tagħhom skont il‑liġi.