Assi u kontropartijiet eliġibbli
L‑operazzjonijiet ta’ kreditu kollha tal‑Eurosistema għandhom isiru abbażi ta’ garanzija xierqa. Assi użati bħala garanzija f’operazzjonijiet tal‑politika monetarja, u dawk użati għall‑akkwist ta’ kreditu limitat għal jum wieħed, għandhom jissodisfaw ċerti kriterji ta’ eliġibbiltà.
L‑Eurosistema taċċetta firxa wiesgħa ta’ assi li jistgħu jintużaw bħala garanzija. Qafas waħdieni għal assi eliġibbli għaż‑żona kollha tal‑euro, imsejjaħ ukoll il‑“lista waħdanija”, daħal fis‑seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2007. Dawk l‑assi biss li jinsabu fil‑lista waħdanija jistgħu jintużaw bħala garanzija f’operazzjonijiet tal‑politika monetarja jew biex jinkiseb kreditu limitat għal jum wieħed.
Dan il‑qafas waħdieni jinkludi żewġ kategoriji diversi ta’ assi:
- assi negozjabbli, li jissodisfaw il‑kriterji u li huma magħrufa bħala “assi eliġibbli”, huma elenkati fil‑websajt tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE);
- assi mhux negozjabbli li jissodisfaw il‑kriterji tal‑eliġibbiltà iżda li mhumiex elenkati fil‑websajt tal‑BĊE.
Il‑BĊE jirriżerva d‑dritt li jeskludi assi mil‑lista waħdanija kif jidhirlu xieraq. Il‑BĊE jiżgura wkoll li l‑lista waħdanija tinżamm aġġornata, eżatta, u konsistenti.
L‑assi eliġibbli kollha huma wkoll soġġetti għal miżuri ta’ kontroll kontra r‑riskji biex l‑Eurosistema titħares kontra r‑riskju ta’ telf finanzjarju jekk dawn l‑assi jkollhom jissarrfu minħabba falliment tal‑kontroparti. Minbarra l‑ħarsien tal‑Eurosistema kontra riskji tal‑kreditu li jistgħu jinqalgħu, il‑kriterji tal‑eliġibbiltà tfasslu wkoll biex jiżguraw trattament ugwali għall‑banek kollha. Barra dan, kriterji ta’ eliġibbiltà uniformi jippromwovu l‑effiċjenza operazzjonali.
Minbarra li huma soġġetti għal rekwiżiti ta’ garanzija, l‑operazzjonijiet tal‑Eurosistema jsiru biss ma’ kontropartijiet eliġibbli li jissodisfaw rekwiżiti komuni applikati fil‑livell taż‑żona tal‑euro, u huma soġġetti wkoll għal kundizzjonijiet nazzjonali speċifiċi oħra. Dawn il‑kontropartijiet jistgħu jużaw assi eliġibbli abbażi transkonfinali, jiġifieri jistgħu jiksbu fondi mill‑bank ċentrali nazzjonali tal‑Istat Membru fejn huma stabbiliti billi jużaw assi li jinsabu fi Stat Membru ieħor.