Currency

Il-Lira Maltija

Il‑Karti tal‑Flus Maltin tal‑Ħames Serje u l‑verżjoni msaħħa tagħhom (bla valuta legali wara l‑31 ta' Jannar 2008)

Fit‑18 ta' Settembru 1989 il‑Bank Ċentrali ta' Malta ħareġ il‑Ħames Serje ta' karti tal‑flus, magħmula minn erba' denominazzjonijiet: Lm2, Lm5, Lm10 u Lm20.

In‑naħa ta' quddiem hi l‑istess fl‑erba' karti tal‑flus. It‑tema ewlenija hi xbieha ta' mara żżomm tmun, li tissimbolizza lil Malta b'rajha f'idejha. Temi oħrajn huma tliet ħamimiet li jfissru l‑paċi, l‑Emblema tal‑Ġnus Magħquda, l‑istemma araldika tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, u disinji tal‑mużajk ta' żmien ir‑Rumani f'Malta.

L‑euro daħal minflok il‑karti tal‑flus Maltin meta Malta ssieħbet fiż‑żona tal‑euro u beda jintuża l‑euro fl‑1 ta' Jannar 2008. Wara din id‑data, il‑flus Maltin baqgħu valuta legali sal‑31 ta' Jannar 2008. Madankollu, il‑karti tal‑flus Maltin se jibqgħu jissarrfu fl‑euro l‑Bank Ċentrali ta' Malta sa għaxar snin wara d‑data ta' skadenza tagħhom, jiġifieri sal‑31 ta' Jannar 2018.

Karatteristiċi tas‑Sigurtà

Il‑karti tal‑flus iħaddnu fihom ħafna mill‑karatteristiċi tas‑sigurtà li kienu disponibbli fi żmien ħruġhom. Huma jħaddnu fihom bosta disinji kompjuterizzati tat‑tip "Guilloche", stampar litografiku stil qawsalla, stampar fuq l‑isfond litografiku u l‑istampar tipografiku tan‑numri. Il‑watermark turi ras "allegorika" li wieħed tidher fuq in‑naħa tax‑xellug meta tħares lejn il‑karta minn quddiem.

Il‑fil tas‑sigurtà kien intiseġ ġol‑karta waqt il‑manifattura. Dan il‑fil jidher bħala linja sħiħa nieżla minn fuq għal isfel tal‑karta tal‑flus, u tidher fuq il‑lemin meta tħares lejn il‑karta tal‑flus minn quddiem.

Fuq in‑naħa tax‑xellug tan‑naħa ta' quddiem ta' dawn il‑karti tal‑flus jidhru tliet parċmini stampati b'linka tal‑fidda li jagħtu leqqa metallika lil din ix‑xbieha li ssebbaħha u fl‑istess waqt toħloq xkiel lil min ikun irid jikkopjaha.

Meta wieħed iħares lejn dawn il‑karti tal‑flus min‑naħa tax‑xifer tagħhom, jidhru l‑ittri "BĊM" minsuġin fuq quddiem fir‑rokna t'isfel tax‑xellug. Barra minn hekk, jekk il‑karti tal‑flus jinżammu kontra d‑dawl, ġisem il‑ħamiem stampati fuq wara jaqbel u jidħol eżatt fix‑xbieha tal‑kontorn tal‑ħamiem li hemm fuq in‑naħa ta' quddiem.

Fl‑1 ta' Ġunju 1994, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ħareġ id‑disinji mibdulin ta' din il‑Ħames Serje. Għalkemm id‑disinn ewlieni baqa' l‑istess, iddaħħlu dawn il‑karatteristiċi tas‑sigurtà li ġejjin:

  1. Il‑fil il‑ġdid tas‑sigurtà jidher bħala sensiela ta' singijiet tal‑fidda fuq quddiem tal‑karta tal‑flus.
  2. L‑istampar tal‑fidda metalliku sar ukoll f'partijiet oħrajn tal‑karti tal‑flus.
  3. Iddaħħlu aktar karatteristiċi li jidhru min‑naħa għall‑oħra tal‑karta, u disinji u kuluri ġodda fl‑isfond ġew użati f'dawn il‑karatteristiċi.
  4. In‑numru tas‑serje tal‑karti tal‑flus tar‑rokna tax‑xellug ta' fuq jidher stampat bi stil ġdid.
  5. Fir‑rokna t'isfel tal‑lemin tan‑naħa ta' wara tal‑karti tal‑flus tal‑Lm10 u tal‑Lm20, lewn il‑linka jinbidel skont minn fejn tħares lejha.

Il-Karta tal-Flus taż-Lm2

IL-ĦAMES SERJE

VERŻJONI MSAĦĦA

Tiswira: 66.5mm x 138mm - Lewn: Aħmar

 Lm2

In-naħa ta' wara: Il-Banka Ġuratali fl-Imdina u fir-Rabat, Għawdex.

 

Il-Karta tal-Flus tal-Lm5

IL-ĦAMES SERJE

VERŻJONI MSAĦĦA

Tiswira: 69mm x 145mm - Lewn: Ikħal

Lm5 

In-naħa ta' wara: Il-Bieb tal-Imdina minn wara, it-Torri tal-Istandard, silta mill-istqarrija Maltija tal-jeddijiet tal‑bniedem.

 

Il-Karta tal-Flus tal-Lm10

IL-ĦAMES SERJE

VERŻJONI MSAĦĦA

Tiswira: 72.5mm x 145mm - Lewn: Aħdar

 Lm10

In-naħa ta' wara: Il-mafkar tas-7 ta' Ġunju 1919 fil-Belt Valletta, il-laqgħa tal-assemblea nazzjonali fis-7 ta' Ġunju 1919, il-ġurnata meta nqatlu erba' ċittadini Maltin.

 

Il-Karta tal-Flus tal-Lm20

IL-ĦAMES SERJE

VERŻJONI MSAĦĦA

Tiswira: 76mm x 145mm - Lewn: Kannella

Lm20 

In-naħa ta' wara: Dott. Borg Olivier, Prim Ministru fl-1964 meta Malta kienet ingħatat l-Indipendenza, it-tlugħ talbandiera Maltija u l-irħama fil-Belt Valletta li tfakkar l-Indipendenza fil-21 ta' Settembru 1964.