It-trasmissjoni tal-mekkaniżmu tal-politika monetarja
Il‑mekkaniżmu tat‑trasmissjoni hu l‑proċess li permezz tiegħu d‑deċiżjonijiet tal‑politika monetarja jaffettwaw l‑ekonomija b'mod ġenerali, u l‑livell tal‑prezzijiet b'mod partikolari.
Teoretikament, minħabba s‑setgħa li tagħtih monopolju fil‑ħruġ tal‑flus, bank ċentrali jista' liberament jiffissa r‑rata tal‑imgħax li juża meta jipprovdi fondi lis‑sistema bankarja. Dan, imbagħad, jinfluwenza r‑rati tal‑imgħax li l‑banek joffru lill‑klijenti tagħhom, kif ukoll fatturi varjabbli oħra, bħalma huma r‑rati tal‑kambju u l‑prezzijiet tal‑assi. Dawn kollha jaffettwaw id‑deċiżjonijiet dwar it‑tfaddil u l‑investiment, il‑provvista ta' kreditu, u d‑domanda aggregata u l‑prezzijiet.
Madankollu, fil‑prattika, il‑mekkaniżmu tat‑trasmissjoni hu nisġa kumplessa ta' interazzjonijiet ekonomiċi. Konsegwentement, hu diffiċli li jiġu kkwantifikati l‑effetti preċiżi tad‑deċiżjonijiet tal‑politika monetarja fuq l‑ekonomija u fuq il‑livell tal‑prezzijiet.
Minħabba d‑dewmien fil‑proċess tat‑trasmissjoni, bidliet fil‑politika monetarja li jsiru llum jaffettwaw il‑livell tal‑prezzijiet wara xhur, jew anke snin. Dan ifisser li l‑politika monetarja trid tħares 'il quddiem. Il-banek ċentrali jkollhom jiddeċiedu liema orjentament tal‑politika monetarja hu meħtieġ illum biex tinżamm l‑istabbiltà tal‑prezzijiet fil‑futur.
Barra dan, minħabba l‑kumplessità tal‑proċess tat‑trasmissjoni, dejjem ikun hemm element qawwi ta' inċertezza relatata maż‑żmien u d‑daqs tal‑aġġustament ikkawżat minn bidliet fl‑orjentament tal‑politika monetarja. F'dan ir‑rigward, hu preferibbli orjentament tal‑politika monetarja fuq żmien medju biex tiġi evitata volatilità eċċessiva u bla bżonn fl‑ekonomija reali.