Maniġġ tal-Kriżijiet
Kriżi tista' tfixkel il‑funzjoni ta' intermedjazzjoni tas‑sistema finanzjarja u tfixkel lill‑banek fil‑maniġġ effiċjenti tar‑riskji tagħhom. Il‑monitoraġġ u l‑evalwazzjoni tar‑riskji jippermettu lill‑awtoritajiet jieħdu miżuri f'waqthom biex jiġi evitat jew jitnaqqas l‑impatt li jista' jwassal għal vulnerabbiltajiet fis‑sistema finanzjarja. Strateġiji ċari ta' komunikazzjoni u allokazzjoni ta' responsabbiltajiet bejn l‑awtoritajiet ikkonċernati jsiru essenzjali. Il‑Bank Ċentrali ta' Malta għandu rwol ewlieni fil‑maniġġ ta' sitwazzjonijiet ta' kriżi finanzjarja potenzjali; għalhekk, kontinwament jiżviluppa kapaċitajiet operazzjonali għall‑maniġġ u r‑riżoluzzjoni f'waqthom ta' sitwazzjonijiet ta' kriżi finanzjarja.
Provvediment ta' likwidità lill‑istituzzjonijiet ta' kreditu
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta hu responsabbli wkoll, f'termini tal‑Artikolu 17 tal‑Att tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, għall‑għoti ta' appoġġ finanzjarju permezz tal‑provvediment ta' għajnuna għal‑likwidità f'emerġenza biex iħares l‑istabbiltà tas‑settur bankarju. Din il‑forma ta' għajnuna normalment tintuża biss bħala rimedju aħħari meta l‑istituzzjonijiet ta' kreditu, li jkunu eżawrew l‑opportunitajiet kollha tagħhom ta' finanzjament mill‑Eurosistema, ikunu għaddejjin minn perjodu ta' pressjoni ta' likwidità li jkun meqjus bħala theddida għall‑istabbiltà tas‑sistema finanzjarja.
Żvilupp tal‑qafas għall‑maniġġ ta' kriżijiet lokali
Ġie mfassal qafas mill‑Bank Ċentrali ta' Malta, l‑Awtorità għas‑Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) u l‑Ministeru għall‑Finanzi (MFIN), taħt il‑patroċinju tal‑Kumitat Lokali Permanenti (DSC) sabiex jiġu stabbiliti b'mod ċar il‑prinċipji bażiċi u l‑proċeduri ta' networking għall‑maniġġ ta' kriżijiet finanzjarji, inklużi l‑prinċipji u l‑istrutturi operazzjonali għall‑kooperazzjoni lokali u transfruntiera. Id‑DSC, iffurmat minn rappreżentanti mill‑Bank, l‑MFSA u l‑MFIN, jiltaqa' regolarment sabiex jiddiskuti u jinqasmu fehmiet dwar is‑solidità finanzjarja u, jekk ikun meħtieġ, jimmaniġġja problemi sistemiċi potenzjali. L‑għanijiet tad‑DSC ġew stabbiliti f'Memorandum ta' Ftehim, li kien approvat mit‑tliet awtoritajiet, fuq il‑kooperazzjoni għall‑prevenzjoni u l‑maniġġ ta' sitwazzjonijiet ta' kriżi finanzjarja.
Kooperazzjoni għall‑prevenzjoni u r‑riżoluzzjoni ta' kriżijiet
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta hu firmatarju tal‑Memorandum ta' Ftehim tal‑2008 dwar il‑kooperazzjoni bejn l‑awtoritajiet superviżjorji finanzjarji, il‑banek ċentrali u l‑ministeri tal‑finanzi tal‑Unjoni Ewropea dwar l‑istabbiltà finanzjarja transfruntiera. Il‑Bank u l‑MFSA huma wkoll firmatarji tal‑Memorandum ta' Ftehim tal‑2003, li jistabbilixxi prinċipji ta' gwida għall‑kooperazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' kriżi, bejn il‑Bank Ċentrali Ewropew, il‑banek ċentrali nazzjonali u l‑awtoritajiet superviżorji fi ħdan is‑Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ). Barra dan, huma firmatarji tal‑Memorandum ta' Ftehim dwar il‑kooperazzjoni bejn is‑sorveljanti tas‑sistemi ta' pagament u s‑superviżuri bankarji fit‑Tielet Stadju tal‑Unjoni Ekonomika u Monetarja, li daħal fis‑seħħ fl‑1 ta' Jannar 2001.