Il-Libertà tal-Informazzjoni
Informazzjoni fir‑rigward tal‑Att dwar il‑Libertà tal‑Informazzjoni (Kap. 496), Artikolu 17(1)
L‑Att dwar il‑Libertà tal‑Informazzjoni (Kap. 496) jagħti lill‑pubbliku ġenerali d‑dritt li jitlob dokumenti jew informazzjoni mingħand l‑Awtoritajiet Pubbliċi. Hemm limitazzjonijiet speċifiċi għal dan id‑dritt, waqt li għadd ta' obbligi huma imposti fuq l‑Awtoritajiet Pubbliċi. Waqt li jissodisfa l‑obbligi statutorji tiegħu, il‑Bank Ċentrali ta' Malta (il‑Bank) qed jipprovdi l‑informazzjoni li ġejja, li tista' tintuża bħala gwida biex il‑pubbliku ġenerali jinforma ruħu aħjar dwar il‑ħidma u l‑funzjonijiet tal‑Bank.
L‑Att daħal fis‑seħħ fl‑1 ta' Settembru 2012.
Missjoni, Funzjonijiet, Struttura u Governanza
Għal deskrizzjoni tal‑missjoni, il‑funzjonijiet, l‑istruttura tal‑organizzazzjoni, u l‑governanza tal‑Bank, ikklikkja fuq il‑links li jidhru hawn taħt:
Għal iżjed informazzjoni dwar kif il‑Bank iħares lejn il‑libertà tal‑informazzjoni, ikklikkja fuq Kodiċi tal‑Prattika tal‑Libertà tal‑Informazzjoni.
Deskrizzjoni ġenerali tal‑kategoriji ta' dokumenti li għandu l‑Bank
Il‑Bank għandu dokumenti li jaqgħu taħt il‑kategoriji li ġejjin:
- Dokumenti ta' politika, studji konsultattivi, rapporti, studji u dokumenti ta' ħidma relatati, dwar suġġetti li jaqgħu taħt il‑funzjonijiet tal‑Bank
- Ftehimiet Nazzjonali u Internazzjonali, Multilaterali u Bilaterali (Memoranda ta' Ftehim)
- Abbozzi ta' liġijiet sal‑istadju tal‑pubblikazzjoni
- Noti ta' informazzjoni u noti għal diskorsi għall‑użu tal‑Gvernaturi
- Dokumentazzjoni u korrispondenza relatati ma' kwistjonijiet pertinenti ta' importanza internazzjonali
- Dokumenti relatati mal‑implimentazzjoni tal‑inizjattivi tal‑Bank
- Dossiers relatati mal‑ksib ta' prodotti u servizzi
- Files personali tal‑impjegati tal‑Bank
- Punti tal‑aġenda, Minuti ta' Laqgħat, Diskorsi u Intervisti.
Deskrizzjoni tal‑manwali kollha u tipi simili ta' dokumenti
Il‑Bank għandu d‑dokumenti li ġejjin, skont liema deċiżjonijiet jittieħdu u liema rakkomandazzjonijiet isiru fir‑rigward ta' membri tal‑pubbliku (inklużi korpi ġuridiċi u impjegati tal‑Bank fil‑kapaċità personali tagħhom):
- Dokumenti relatati mal‑proċeduri adottati għall‑amministrazzjoni tal‑proċess ta' ksib ta' prodotti u servizzi tal‑Bank, bħall‑ħruġ ta' sejħiet għall‑offerti
- Dokumenti relatati ma' karti tal‑flus u muniti, bħal karti tal‑flus imqattgħin u rtirati miċ‑ċirkolazzjoni, bejgħ ta' muniti għall‑kollezzjonisti, u riproduzzjoni ta' karti tal‑flus
- Dokumenti relatati mar‑relazzjonijiet esterni tal‑Bank mal‑pubbliku ġenerali
- Proċeduri segwiti fin‑negozjar bl‑imnut u bl‑ingrossa ta' Bills tat‑Teżor u Bonds tal‑Gvern
- Proċeduri segwiti fir‑reklutaġġ intern u estern
- Proċeduri relatati ma' Protezzjoni tad‑Dejta u Libertà tal‑Informazzjoni
- Regoli amministrattivi ġenerali għall‑utenti tal‑Librerija tal‑Bank
- Dokumenti relatati ma' servizzi bankarji għall‑individwi.
Jekk jogħġbok innota li xi informazzjoni fost dik elenkata hawn fuq hi eskluża mill‑obbligu ta' żvelar skont l‑Att dwar il‑Libertà tal‑Informazzjoni (Kap. 496).
Kif Titlob Informazzjoni
Qabel ma titlob informazzjoni miżmuma mill‑Bank skont l‑Att dwar il‑Libertà tal‑Informazzjoni, hu ssuġġerit li tiċċekkja l‑website biex tara jekk l‑informazzjoni meħtieġa hijiex diġà ppubblikata. Jekk din ma tkunx disponibbli, għandek timla formola msejħa Talba għal Dokument/Informazzjoni biex titlob informazzjoni mingħand il‑Bank. Din il‑formola tista' tinġabar personalment mill‑Bank jew tista' titniżżel minn hawn.
Talbiet skont il‑Libertà tal‑Informazzjoni għal informazzjoni jew dokumenti miżmuma mill‑Bank għandhom jintbagħtu permezz ta' email jew permezz ta' talba bil‑miktub lil:
Freedom of Information Officer,
Bank Ċentrali ta' Malta,
Pjazza Kastilja,
Valletta, VLT 1060
Inkella, tista' tintbagħat applikazzjoni FOI online, billi tintuża l‑eID tal‑individwu, fl‑indirizz foi.gov.mt.
Ħlasijiet dovuti meta ssir talba
Il‑Bank għandu jitlob ħlas għall‑aċċess għal dokumenti jew informazzjoni skont id‑dispożizzjonijiet tal‑Att b'konformità mar‑Regolamenti dwar Ħlasijiet Imposti mill‑Awtoritajiet Pubbliċi għall‑Aċċess għal Dokumenti (A.L. 158 tal‑2010), kif ġej:
Il‑Bank jitlob ħlas għall‑ipproċessar skont il‑ħin meħtieġ biex tiġi pproċessata t‑talba, f'termini ta' sigħat ta' xogħol. B'mod speċifiku, japplikaw il‑ħlasijiet għall‑ipproċessar li ġejjin:
Talbiet li jeħtieġu inqas minn sagħtejn xogħol biex jiġu pproċessati
|
€5.00
|
Talbiet li jeħtieġu mill‑inqas sagħtejn, iżda inqas minn tliet sigħat xogħol biex jiġu pproċessati
|
€10.00
|
Talbiet li jeħtieġu mill‑inqas tliet sigħat, iżda inqas minn erba' sigħat xogħol biex jiġu pproċessati
|
€15.00
|
Talbiet li jeħtieġu mill‑inqas erba' sigħat xogħol biex jiġu pproċessati
|
€20.00
|
Kull meta jsiru spejjeż addizzjonali biex l‑applikant jiġi pprovdut bid‑dokument mitlub jew bl‑informazzjoni mitluba, irrispettivament mill‑fatt jekk dan is‑servizz jingħatax fil‑format ippreferut mill‑applikant fit‑talba tiegħu, il‑Bank jitlob ħlas addizzjonali. B'mod partikolari, japplikaw il‑ħlasijiet addizzjonali li ġejjin:
Fotokopji u faxes
|
€0.12 għal kull paġna
|
Midja diġitali
|
Prezz tal‑midja diġitali użata (eż. CD)
|
Dokumenti elettroniċi li huma disponibbli permezz tal‑website tal‑Bank għandhom ikunu bla ħlas.
Kif isir il‑ħlas
Wara li jibgħat talba għal informazzjoni, l‑applikant jiġi informat dwar il‑ħlasijiet li l‑Bank ikun biħsiebu jitlob. L‑applikanti jistgħu jagħmlu l‑ħlasijiet dovuti fir‑rigward ta' dokumenti/informazzjoni mitluba, permezz ta' ċekkijiet pagabbli lill‑Bank Ċentrali ta' Malta, li jiġu kkunsinjati bl‑idejn jew mibgħuta bil‑posta, jew jista' jsir ħlas permezz ta' flus kontanti. Meta l‑Bank jirċievi l‑ħlas, tinħareġ irċevuta.
Mistoqsijiet
Mistoqsijiet dwar kif il‑Bank iħares lejn il‑libertà tal‑informazzjoni għandhom jiġu indirizzati lill‑Freedom of Information Officer fuq in‑numru (+356) 2550 6703 jew permezz ta' email.
Ilmenti
Fil‑każ li l‑applikant ma jaqbilx mal‑ġestjoni tat‑talba tiegħu min‑naħa tal‑Bank, l‑applikant jista' jressaq ilment b'konformità mal‑Proċedura Interna tal‑Bank għall‑Ilmenti. Biex jitressaq ilment quddiem il‑Bank għandha tintuża l‑Formola għall‑Ilmenti. Din il‑formola tista' tinġabar mill‑Bank jew tista' titniżżel minn hawn.
Ilmenti relatati mal‑Libertà tal‑Informazzjoni għandhom jintbagħtu bl‑email jew jintbagħtu bil‑miktub lil:
FOI Complaints Officer,
Bank Ċentrali ta' Malta,
Pjazza Kastilja,
Valletta, VLT 1060
L‑Att dwar il‑Libertà tal‑Informazzjoni jintitola lill‑applikant li jindirizza lmenti jew li jitlob investigazzjoni u rikonsiderazzjoni mill‑Information and Data Protection Commissioner, skont il‑każ, wara li jkun sar rikors għall‑Proċedura Interna tal‑Bank għall‑Ilmenti.