Missjoni tal-Bank
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta hu istituzzjoni indipendenti li tifforma parti integrali tal‑Eurosistema u, bħala membru tas‑Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ), l‑għan ewlieni tiegħu hu li jżomm l‑istabbiltà tal‑prezzijiet. Il‑Bank hu responsabbli għall‑kompiti ewlenin kollha ta' bank ċentrali, partikolarment il‑kompitu li jiżgura l‑istabbiltà tas‑sistema finanzjarja.
Il‑Bank ifittex li jaqdi d‑dmirijiet statutorji tiegħu fl‑interess pubbliku u hu impenjat li jwettaq il‑funzjonijiet tiegħu b'mod effettiv, effiċjenti u ekonomiku, bl‑ogħla livell ta' integrità, kompetenza u trasparenza. F'dan ir‑rigward se jibqa':
- jagħmel analiżi u riċerka ekonomika u finanzjarja biex jappoġġa l‑parteċipazzjoni tal‑Gvernatur fil‑proċess tat‑teħid tad‑deċiżjonijiet tal‑Kunsill Governattiv tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u biex jagħti pariri indipendenti lill‑Gvern dwar kwistjonijiet ta' politika ekonomika u finanzjarja;
- iħaddem il‑politika monetarja tal‑BĊE permezz ta' operazzjonijiet tas‑suq, imwettqa fi ħdan il‑qafas operazzjonali tal‑Eurosistema;
- jikkontribwixxi b'mod effettiv għall‑istabbiltà tas‑sistema finanzjarja billi jidentifika u jivvaluta r‑riskji u l‑iżbilanċi sistemiċi u jagħmel ir‑rakkomandazzjonijiet meħtieġa għall‑politika finanzjarja;
- ifassal u jimplimenta politika makroprudenzjali sabiex jitwettqu l‑kompiti tal‑Bank bħala l‑awtorità makroprudenzjali nazzjonali;
- iħeġġeġ u jappoġġa l‑iżvilupp u l‑integrazzjoni tas‑swieq finanzjarji f'Malta permezz ta' sorveljanza tal‑infrastrutturi tas‑suq u billi jiżgura d‑disponibbiltà ta' sistemi ta' saldu u pagament ta' titoli b'mod effiċjenti f'termini ta' spejjeż;
- jissupplixxi provvista xierqa ta' karti tal‑flus u muniti (dawn tal‑aħħar f'isem il‑Gvern) biex jissodisfa d‑domanda tal‑pubbliku, waqt li jiżgura l‑kwalità għolja u l‑awtentiċità tal‑munita fiċ‑ċirkolazzjoni;
- jiġbor, jikkompila u jippubblika statistika ekonomika u finanzjarja skont standards internazzjonali;
- jaġixxi bħala bankier għall‑Gvern u għas‑sistema bankarja;
- iżomm u jimmaniġġa assi finanzjarji b'mod attiv u b'rispett għall‑prattiċi tal‑maniġġ prudenti tar‑riskji, bil‑għan li l‑assi jagħtu l‑aħjar redditu;
- jipparteċipa b'mod attiv fis‑SEBĊ, l‑Eurosistema u korpi tal‑Unjoni Ewropea rilevanti oħra, inklużi s‑sottostrutturi tagħhom.
Finalment, bħala membru tal‑Eurosistema, il‑Bank jibqa' jikkontribwixxi għall‑missjoni, l‑għanijiet strateġiċi u l‑prinċipji organizzattivi tal‑Eurosistema.