Pubblikazzjonijiet
Il‑pubblikazzjonijiet ewlenin tal‑Bank Ċentrali ta' Malta huma r‑Rivista ta' kull Tliet Xhur, ir‑Rapport Annwali u r‑Rapport dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja. Ir‑Rivista ta' kull Tliet Xhur fiha rapporti dwar l-iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji kemm f'Malta kif ukoll barra minn Malta, xi artikli fuq temi ekonomiċi u monetarji, u statistika ekonomika u finanzjarja. Kultant żmien, ir-Rivista jkun fiha wkoll stqarrijiet tal-Gvernatur. Mill-banda l-oħra, ir-Rapport Annwali jagħti rendikont tal-ħidma tal-Bank matul is-sena ta' qabel u jippreżenta r-rapporti finanzjarji annwali tal-Bank. Jinkludi wkoll analiżi lokali u internazzjonali tal-iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji li seħħew matul is-sena ta' qabel. Ir‑Rapport dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja jippubblika fuq bażi annwali l‑analiżi u s‑sejbiet tal‑Bank fir‑rigward tal‑istabbiltà finanzjarja. Il-Bank jippubblika wkoll Aġġornament Ekonomiku kull xahar fuq is-sit elettroniku tiegħu, li jkopri l-aħħar żviluppi ekonomiċi u finanzjarji.
Il-Bank jippubblika wkoll it-tbassir ekonomiku erba' darbiet fis-sena. It-tbassir ikopri s-sena kurrenti u t-tliet snin ta' wara.
Bħala parti mill-isforzi tiegħu biex jikseb għarfien aktar profond tal-iżviluppi u x-xejriet ewlenin fuq livell settorjali, il-Bank iżomm kuntatt regolari ma’ azjendi ewlenin, awtoritajiet u istituzzjonijiet oħra f'Malta. Rapport ta' kull tliet xhur intitolat CBM Business Dialogue jiġbor fil-qosor - f'forma aggregata - informazzjoni miġbura waqt dawn id-diskussjonijiet.
Il-Bank jippubblika Rapport dwar Divulgazzjonijiet Finanzjarji Relatati mal-Klima fuq bażi annwali għall-portafolji tal-politika mhux monetarja f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force dwar Divulgazzjonijiet Finanzjarji Relatati mal-Klima (TCFD).
Ir-Research Bulletin huwa pubblikazzjoni annwali maħsuba biex tippreżenta, b'mod konċiż u aċċessibbli, parti mir-riċerka tal-Bank. Is-serje ta' Working Papers tirreferi għall-papers ta' riċerka teknika miktuba mill-ekonomisti tal-Bank. Dawn jiġu ppubblikati biex iħeġġu d‑dibattitu, u kummenti dwarhom jiġu apprezzati. Is-serje ta' Policy Notes tirreferi għal sommarji qosra dwar kwistjonijiet magħżula ta' politika, immirati għal udjenza aktar wiesgħa. Il‑Bank jippubblika wkoll Dokumenti Konsultattivi dwar kwistjonijiet li jeħtieġu konsultazzjoni pubblika jew settorjali. Kultant il‑Bank jikkummissjona jew jisponsorja l‑pubblikazzjoni ta' kotba b'temi kulturali jew storiċi. Fl-aħħar nett, l-ekonomisti tal-Bank jippubblikaw ukoll ir-riċerka tagħhom f’pubblikazzjonijiet esterni wara proċess ta’ evalwazzjoni bejn il-pari.