L-istorja tagħna
Qabel l‑1968
F'Jannar 1964, missjoni tan‑Nazzjonijiet Uniti mmexxija mill‑Professur Wolfgang F. Stolper għamlet rakkomandazzjoni lill‑Gvern Malti biex iwaqqaf bank ċentrali, billi nħass li kien hemm nuqqasijiet serji fl‑infrastruttura finanzjarja ta' Malta, b'mod partikolari fir‑rigward ta' pariri lill‑Gvern dwar kwistjonijiet finanzjarji u monetarji.
Għalhekk, wara l‑Indipendenza f'Settembru 1964, il‑Gvern Malti talab l‑għajnuna teknika mingħand il‑Bank of England u mingħand il‑Fond Monetarju Internazzjonali biex jitwaqqaf bank ċentrali. Fi Frar 1967, Dr Philip L. Hogg, uffiċjal anzjan tal‑Bank of England, wasal Malta biex iwettaq xogħol organizzattiv u leġiżlattiv preliminari. Il‑Liġi daħlet fis‑seħħ fil‑11 ta' Novembru 1967 u ħames xhur wara, fis‑17 ta' April 1968, twaqqaf formalment il‑Bank Ċentrali ta' Malta, bil‑ħatra ta' Dr Hogg bħala l‑ewwel Gvernatur tal‑Bank.
Bejn l‑1967 u l‑2008, l‑istorja operazzjonali tal‑Bank tista' tinqasam fi tliet perjodi ewlenin li jirriflettu l‑evoluzzjoni tal‑Bank minn organizzazzjoni li twettaq funzjonijiet ta' bank ċentrali fil‑kuntest ta' reġim b'rata ta' kambju fissa li kellha Malta, għal istituzzjoni li tifforma parti integrali mill‑Eurosistema, li tistabbilixxi u timplimenta l‑politika monetarja fil‑pajjiżi taż‑żona tal‑euro.
1968‑1994
Matul dan il‑perjodu, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ffoka l‑aktar fuq l‑implimentazzjoni ta' politika tar‑rata tal‑kambju, il‑maniġġ tar‑riżervi tal‑pajjiż, is‑sorveljanza tas‑settur bankarju, il‑ħruġ tal‑munita u l‑għoti ta' servizzi bankarji lill‑Gvern, lis‑settur pubbliku u lill‑banek.
Ir‑rwol tal‑Bank fl‑implimentazzjoni tal‑politika tar‑rata tal‑kambju, li kien jinvolvi l‑impożizzjoni ta' kontroll tal‑kambju, ħa importanza partikolari f'Lulju 1972 meta twaqqfet ir‑rabta tal‑munita Maltija mal‑isterlina. Għalhekk, il‑Bank beda jistabbilixxi r‑rata tal‑kambju tal‑lira Maltija abbażi ta' basket ta' muniti ppeżat skont il‑kummerċ tal‑pajjiż. Wara li daħal fis‑seħħ l‑Att Dwar il‑Kontroll tal‑Kambju fl‑1972, il‑Bank inħatar aġent għall‑amministrazzjoni tal‑kontroll tal‑kambju - rwol li eżerċita għal għadd ta' snin. Il‑Bank kien responsabbli wkoll għall‑maniġġ tar‑riżervi barranin tal‑pajjiż u hu biss kien jixtri u jforni l‑munita barranija lis‑settur pubbliku u bankarju.
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta nħatar ukoll bħala kontrollur tas‑sistema bankarja skont l‑Att Bankarju tal‑1970 u, wara, bħala kontrollur tal‑Borża ta' Malta bl‑Att dwar il‑Borża ta' Malta, 1990.
F'Settembru 1969 il‑Bank Ċentrali ta' Malta ħareġ l‑ewwel sensiela ta' karti tal‑flus tiegħu, u wara l‑adozzjoni tas‑sistema deċimali f'Mejju 1972, ħareġ l‑ewwel sensiela ta' muniti. Il‑Bank kien ukoll responsabbli għas‑sorveljanza tal‑likwidità tal‑Gvern Malti u biex jipprovdi kreditu fuq żmien qasir lill‑Gvern.
1994‑2002
Dan il‑perjodu kien ikkaratterizzat minn bidla notevoli fl‑orjentament tal‑politika tal‑Bank bħala parti minn modernizzazzjoni ġenerali fis‑settur tas‑servizzi finanzjarji, wara l‑introduzzjoni ta' leġiżlazzjoni ġdida u reviżjoni estensiva ta' liġijiet eżistenti. Wara li saru emendi fl‑Att dwar il‑Bank Ċentrali ta' Malta fl‑1994, il‑Bank ingħata awtonomija akbar għall‑formulazzjoni u l‑implimentazzjoni tal‑politika monetarja. Twaqqaf Kunsill għall‑Politika Monetarja u l‑Bank beda l‑ewwel operazzjonijiet tiegħu fis‑suq miftuħ biex jitlaq minn sistema ta' kontrolli monetarji diretti u rati tal‑imgħax amministrati, għal sistema iżjed orjentata lejn is‑suq u rati tal‑imgħax determinati mis‑suq. Is‑self fuq żmien qasir mill‑Bank lill‑Gvern ġie pprojbit biex ma jippreġudikax l‑effikaċja tal‑politika monetarja. Il‑Bank illimita t‑transazzjonijiet tiegħu ta' kambju barrani mal‑banek għal tliet muniti biex iħeġġeġ l‑iżvilupp ta' suq tal‑kambju barrani bejn il‑banek. Barra dan, tneħħew ftit ftit ir‑restrizzjonijiet kollha tal‑kambju fuq pagamenti fil‑kont kurrenti.
Mad‑dħul fis‑seħħ ta' Att Bankarju ġdid u Att dwar l‑Istituzzjonijiet Finanzjarji fl‑1994, ir‑rwol tal‑Bank għas‑sorveljanza bankarja ġie kkonfermat wara li nħatar bħala l‑Awtorità Kompetenti responsabbli għas‑sorveljanza tal‑istituzzjonijiet ta' kreditu u dawk finanzjarji.
2002‑2007
It‑tħejjijiet ta' Malta għas‑sħubija fl‑Unjoni Ewropea (UE) affettwaw ukoll lill‑Bank, li kellu jadatta għal ambjent ġdid konformi mal‑impenji futuri tal‑pajjiż. Fl‑2002 tibdil fl‑Att dwar il‑Bank Ċentrali ta' Malta ta lill‑Bank indipendenza sħiħa fit‑tfassil u l‑implimentazzjoni tal‑politika monetarja. L‑emendi żguraw ukoll is‑sigurtà tal‑mandat tal‑Gvernatur, tad‑Deputat Gvernatur u tal‑membri tal‑Bord tal‑Bank billi stipulaw mandati ta' ħames snin. Wara konsultazzjonijiet mal‑Kunsill Konsultattiv għall‑Politika Monetarja, il‑Gvernatur ingħata r‑responsabbiltà għad‑deċiżjonijiet tal‑politika monetarja. L‑emendi pprovdew ukoll għall‑adozzjoni ta' qafas għar‑regolazzjoni tas‑sistemi ta' pagament. Fl‑istess ħin, il‑Bank waqqaf l‑ewwel sistema formali tiegħu għall‑pagamenti f'Malta b'konformità ma' standards internazzjonali. Fl‑2002 ukoll, ir‑responsabbiltà għar‑regolazzjoni u s‑sorveljanza tas‑settur bankarju u finanzjarju, kif ukoll għall‑Borża ta' Malta, ġiet trasferita lill‑Awtorità għas‑Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA). Il‑Bank baqa' responsabbli biex jiżgura l‑istabbiltà tas‑sistema finanzjarja Maltija.
Fl‑1 ta' Mejju 2004 Malta ssieħbet fl‑UE u l‑Bank Ċentrali ta' Malta sar parti mis‑Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ). Il‑Gvernatur tal‑Bank beda jieħu sehem fil‑Kunsill Ġenerali tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l‑esperti tal‑Bank saru membri tal‑kumitati tas‑SEBĊ. Tneħħew il‑kontrolli kollha fuq il‑kapital.
F'Mejju 2005 Malta ssieħbet fil‑Mekkaniżmu tar‑Rata tal‑Kambju (ERM II) u b'hekk il‑lira Maltija ntrabtet mal‑euro b'rata ta' parità ċentrali ta' EUR 1=MTL 0.429300. Fl‑istess ħin, il‑Bank beda t‑tħejjijiet tiegħu għall‑introduzzjoni tal‑euro bħala l‑munita nazzjonali ta' Malta mill‑1 ta' Jannar 2008, meta r‑rata ta' parità ċentrali tal‑euro mal‑lira Maltija ġiet ikkonfermata u stabbilita b'rata ta' konverżjoni fissa u irrevokabbli.
2008
Fl‑1 ta' Jannar 2008 Malta ssieħbet maż‑żona tal‑euro. Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ssieħeb mal‑Eurosistema u ġie integrat fi ħdan il‑korpi li jieħdu d‑deċiżjonijiet tal‑BĊE. Il‑Gvernatur sar membru tal‑Kunsill Governattiv tal‑BĊE u l‑esperti tal‑Bank bdew jieħdu sehem fil‑kumitati tal‑Eurosistema. Id‑diversi emendi li daħlu fis‑seħħ fil‑bidu tal‑2008, ġabu l‑Att dwar il‑Bank Ċentrali ta' Malta konformi mar‑rekwiżiti tal‑Eurosistema.
B'hekk, mill‑bidu modest tiegħu fl‑1967, il‑Bank Ċentrali ta' Malta żviluppa f'istituzzjoni fl‑istess livell bħal dak ta' banek ċentrali nazzjonali l‑oħra taż‑żona tal‑euro.