Is-Sinjura Philomena Meli
Philomena Meli nħatret bħala Membru tal‑Bord tad‑Diretturi fil‑Bank Ċentrali ta' Malta għal perjodu ta' ħames snin b'effett mit‑23 ta' Jannar 2012, kariga li kienet tokkupa diġà matul il‑perjodu 2003‑2007. Hi għandha B.A. (Hons) fl‑Ekonomija mill‑Università ta' Malta u ilha taħdem fil‑qasam tal‑affarijiet kummerċjali internazzjonali sa minn kmieni fis‑snin tmenin.
Għall‑ewwel, is‑Sinjura Meli kienet impjegata fir‑Research Division tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, fejn fl‑1980, kellha rwol deċiżiv fit‑twaqqif ta' Trade Documentation Unit għall‑esportaturi. Wara karriera ta' sbatax‑il sena f'dik li qabel kienet il‑Malta External Trade Corporation (METCO), fi Frar 2004 bdiet tokkupa kariga fil‑Ministeru għall‑Finanzi bħala konsulent dwar il‑politika kummerċjali fid‑Direttorat għar‑Relazzjonijiet Ekonomiċi Internazzjonali tad‑Dipartiment tal‑Politika Ekonomika. Wara bdiet taħdem fil‑Ministeru għall‑Affarijiet Barranin bħala konsulent fid‑Direttorat Ġenerali għall‑Affarijiet Ewropej u Ekonomiċi. Bejn l‑2010 u l‑2015, hi serviet bħala Kap tal‑External Institutional Affairs and Trade Policy Unit fil‑Malta Enterprise, fejn bħalissa hija konsulenta dwar networks istituzzjonali għar‑reġjun Euromediterranju. F'Settembru 2015, is‑Sinjura Meli nħatret bħala Ambaxxatriċi ta' Malta (mhux residenti) għall‑Alġerija.
|
|