Currency

Flus

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta twaqqaf fl‑1968 u mill‑ewwel assuma r‑responsabbiltà għall‑ħruġ u l‑kontroll tal‑karti tal‑flus u tal‑muniti f’Malta. Mal‑adozzjoni tal‑euro f’Malta fl‑1 ta’ Jannar 2008, il‑Bank Ċentrali ta’ Malta ħa f’idejh ir‑responsabbiltà għall‑ħruġ tal‑karti tal‑flus u l‑muniti tal‑euro skont il‑prinċipji u r‑regoli stabbiliti fi ħdan l‑Eurosistema.

Taqsima għas‑Sorveljanza tal‑Flus tissorvelja l‑flus fiċ‑ċirkolazzjoni, kif ukoll il‑flus foloz u l‑flus li jqajmu suspett. Tingħata wkoll attenzjoni biex jiġu żgurati l‑kwalità u l‑awtentiċità tal‑flus fiċ‑ċirkolazzjoni, ħalli karti tal‑flus li ma jkunux tajbin għaċ‑ċirkolazzjoni jiġu rtirati u meqruda regolarment u minflokhom jinħarġu karti tal‑flus ġodda. Barra dan, tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li d‑denominazzjonijiet fiċ‑ċirkolazzjoni jirriflettu d‑domanda.

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta joħroġ ukoll muniti tal‑euro f’isem il‑Gvern ta’ Malta. L‑ammont ta’ muniti maħruġa hu soġġett għall‑approvazzjoni minn qabel tal‑Bank Ċentrali Ewropew skont l‑Artikolu 128 tat‑Trattat dwar il‑Funzjonament tal‑Unjoni Ewropea. Kultant żmien, il‑Bank joħroġ ukoll muniti kommemorattivi taż‑€2, kif ukoll muniti oħra ta’ metalli prezzjużi li jkunu valuta legali.