Maniġġ tar-Riskji
Il‑Financial Risk Management Office (FRMO) hu responsabbli għall‑valutazzjoni tar‑riskju marbut mas‑self, mal‑imgħax u mal‑kambju fuq operazzjonijiet tal‑politika monetarja u tal‑politika mhux monetarja tal‑Bank. L‑FRMO jevalwa l‑andament tal‑International Asset Management Office fil‑ġenerazzjoni ta' qligħ fuq l‑ammonti interni miżmuma mill‑Bank fi ħdan il‑qafas għar‑riskji kif approvat mill‑Bord tad‑Diretturi u jirrapporta, fuq bażi regolari, l-andament lill‑Investments Policy Committee u lir‑Risk Committee.
L‑Operational Risk Management Office (ORMO) jagħmel ħiltu sabiex jippromwovi kultura b'saħħitha ta' maniġġ tar‑riskji fl‑organizzazzjoni kollha. Permezz ta' diversi inizjattivi, l‑ORMO jiffoka fuq l‑identifikazzjoni, il‑valutazzjoni u l‑mitigazzjoni tar‑riskji, biex b'hekk iħares l‑assi u r‑riżorsi tal‑Bank.
L‑Uffiċċju jiżgura li:
- l‑operazzjonijiet kritiċi tal‑oqsma kollha tax-xogħol ikollhom pjanijiet għall-kontinwità operattiva li huma ttestjati regolarment sabiex jindirizzaw l‑inċertezzi;
- l-assi ta' informazzjoni jiġu mħarsa permezz tal‑implimentazzjoni ta' programm effettiv ta' Information Security Management;
- ir‑riskji jinġiebu għall‑attenzjoni tar‑Risk Committee u tal‑Bord tad‑Diretturi permezz ta' studju sistematiku u komprensiv tar‑riskji kollha fil‑proċessi tal-ħidma tal‑Bank.
Ir‑Risk Committee għandu responsabbiltajiet ta' sorveljanza fir‑rigward tar‑riskji inerenti fl‑operazzjonijiet tal‑Bank u l‑proċessi li jtaffu r‑riskji fir‑rigward ta' riskji bħal dawn fl‑attivitajiet kollha tal‑Bank.
Il‑funzjoni ewlenija tar‑Risk Committee hija li jiżgura li s‑sistema tal‑maniġġ tar‑riskji hija effettiva u tirreaġixxi għal diversi forom ta' riskji tax-xogħol hekk kif jevolvu. Il‑Kumitat jistabbilixxi l‑kultura tar‑riskju u jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar l‑istrateġija tal‑Bank għar‑riskju, u jieħu inkonsiderazzjoni kwalunkwe politika stabbilita mill‑Bord. Fit‑twettiq tal‑mandat tiegħu, il‑Kumitat jikkonsidra l‑forom kollha ta' riskji li jkopru l‑attivitajiet kollha tal‑Bank, inkluż ir‑riskju marbut mas‑self, ir‑riskju tas‑suq, u r‑riskju ta' likwidità, kif ukoll riskji operazzjonali, ta' reputazzjoni, legali u strateġiċi.