Kumitat tal-verifika
Il‑Kumitat tal‑Verifika tal‑Bank Ċentrali ta' Malta twaqqaf mill‑Bord tad‑Diretturi f'Marzu 2001. L‑artikolu 13 tal‑Att tal‑Bank Ċentrali ta' Malta Kap. 204, jagħti s‑setgħa lill‑Bord tad‑Diretturi biex iwaqqaf Kumitat tal‑Verifika ħalli jgħinu jwettaq ir‑responsabbiltajiet tiegħu fi kwistjonijiet relatati mal‑proċess tal‑verifika interna u esterna, mas‑sistema tal‑maniġġ tar‑riskji u l‑kontroll intern u mal‑proċess tar‑rappurtaġġ finanzjarju. Il‑Kumitat hu magħmul minn tliet Membri mhux eżekuttivi tal‑Bord, b'wieħed mill-membri jkun maħtur mill-Bord bħala Chairperson. Ir‑rwol tal-Kumitat tal-Verifika jinkludi s‑sorveljanza ta' kwistjonijiet finanzjarji u rappurtaġġ estern, verifika u kontroll interni, verifika esterna, maniġġ tar‑riskji u etika. Il‑kompiti tal‑Kumitat tal‑Verifika huma rregolati permezz tal‑Karta tal‑Verifika tal‑Kumitat kif approvata mill‑Bord tad‑Diretturi.
L‑għanijiet ġenerali tal‑Kumitat kif inklużi fil‑Karta tal‑Verifika tal‑Kumitat huma li:
- jissorvelja l‑integrità tar‑rapporti finanzjarji, u kull stqarrija formali relatata mal‑andament finanzjarju tal‑Bank;
- jissorvelja u jivvaluta l‑effikaċja tal‑funzjoni tal‑verifika interna u jsaħħaħ l‑indipendenza tagħha;
- itejjeb il‑kwalità tal‑maniġġ tar‑riskji, il‑kontroll intern, il‑verifika u l‑kontroll finanzjarju;
- jimplimenta politika dwar l‑ingaġġ tal‑awdituri esterni, inklużi servizzi mhux relatati mal‑verifika;
- jissorvelja u jeżamina l‑indipendenza, l‑oġġettività u l‑effikaċja tal‑awdituri esterni;
- jagħmel rakkomandazzjonijiet lill‑Bord fir‑rigward tal‑ħatra u t-tneħħija tal‑awdituri esterni;
- itejjeb il‑komunikazzjoni bejn il‑Bord tad‑Diretturi, l‑awdituri interni u esterni u l‑maniġment u
- jissorvelja l‑implimentazzjoni tal‑prinċipji tal‑prattiċi etiċi tal-awditjar.
Il‑Kumitat jirregola l‑proċeduri tiegħu stess iżda, bħala minimu, hu meħtieġ jirrapporta lill‑Bord erba' darbiet fis‑sena u jiltaqa' mal‑awdituri esterni mill‑inqas darbtejn fis‑sena.