About Us

Protezzjoni tad-data

Il-Bank Ċentrali ta' Malta (il-"Bank") jista' jiġbor u jipproċessa data personali għal diversi għanijiet. Meta jagħmel dan, il-Bank huwa obbligat li jikkonforma kemm mal-leġiżlazzjoni lokali u kif ukoll tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Data, jiġifieri r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (Regolament (UE) 2016/679) hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejjaħ "GDPR".

Il-Bank jiżgura li l-prinċipji tal-protezzjoni tad-data kif stabbiliti fil-GDPR jiġu segwiti u implimentati bis-sħiħ. Sabiex jissodisfa dawn ir-rekwiżiti, il-Bank żviluppa wkoll politika interna dwar il-Protezzjoni tad-Data li trid tiġi rispettata mill‑impjegati meta jipproċessaw id-data personali. Kull ipproċessar tad-data għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipji bażiċi li ġejjin:

  • id-data personali għandha tkun ipproċessata b'mod legali, b'mod ġust u b'mod trasparenti;
  • id-data personali għandha dejjem tiġi pproċessata skont il-prattika tajba;
  • id-data personali għandha tinġabar biss għal skopijiet speċifiċi, espliċitament iddikjarati u leġittimi;
  • id-data personali m'għandhiex tkun ipproċessata għal kwalunkwe għan li jkun inkompatibbli ma' dak li għalih tkun inġabret l-informazzjoni;
  • id-data personali li hija pproċessata għandha tkun adegwata u rilevanti fir-rigward tal-iskop tal-ipproċessar;
  • id-data personali li tiġi pproċessata għandha tkun korretta u, jekk meħtieġ, aġġornata;
  • għandhom jittieħdu l-miżuri raġonevoli kollha biex jimlew, jikkoreġu, jimblokkaw jew iħassru d-data sal-punt li dik id-data mhix kompluta jew skorretta, meta jitqiesu l-għanijiet li għalihom ikunu pproċessati;
  • id-data personali m'għandhiex tinżamm għal perjodu itwal minn dak meħtieġ, wara li jitqiesu l-għanijiet li għalihom hija pproċessata;
  • id-data personali għandha tiġi pproċessata b'mod li jiżgura s-sigurtà xierqa tad-data, inkluża l-protezzjoni kontra pproċessar mhux awtorizzat jew illegali, qerda aċċidentali, telf jew ħsara;
  • id-data personali m'għandhiex tiġi trasferita lil pajjiżi terzi li ma joffrux livell adegwat ta' protezzjoni.

Il-Bank Ċentrali ta' Malta hu meqjus bħala "il-Kontrollur tad-Data" skont il-GDPR. Il-Bord tad-Diretturi huwa responsabbli għall-konformità mal-GDPR filwaqt li l-Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data, maħtur mill-Bord, jittratta kwistjonijiet ta' kuljum relatati mal-protezzjoni tad-data.

L-impjegati kollha tal-Bank Ċentrali ta' Malta li jipproċessaw data personali għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti mill-GDPR u ma' kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra fis-seħħ fil-ħin tal-ipproċessar.

Aktar informazzjoni dwar il-prinċipji u l-leġiżlazzjoni tal-Protezzjoni tad‑Data tista' tinkiseb mis-sit elettroniku tal‑Uffiċċju tal‑Kummissarju għall‑Informazzjoni u l‑Protezzjoni tad‑Data.

Mistoqsijiet rigward il-protezzjoni tad-data jistgħu jiġu mgħoddija lill-Uffiċjal tal-Bank għall-Protezzjoni tad‑Data permezz ta' email jew bil-miktub lil:

 

Data Protection Officer
Bank Ċentrali ta' Malta,
Pjazza Kastilja,
Valletta, VLT 1060

L-Uffiċjal tal-Bank għall-Protezzjoni tad-Data jista' jiġi kkuntattjat ukoll permezz tat-telefon fuq in-numru +356 2550 4353.

Il-Leġiżlazzjoni tal-Protezzjoni ta' Data Personali tal-Unjoni Ewropea

F'Jannar 2012, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet riforma komprensiva tar-regoli tal-protezzjoni tad-data fl-UE.

Fl-4 ta' Mejju 2016, it-testi uffiċjali tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data - GDPR (Regolament (UE) 2016/679) u Direttiva (UE) 2016/680 ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE fil-lingwi uffiċjali kollha. Filwaqt li l‑GDPR se jidħol fis-seħħ fl-24 ta' Mejju 2016, dan ser japplika mill-25 ta' Mejju 2018. Id-Direttiva tidħol fis-seħħ fil-5 ta' Mejju 2016 u l-Istati Membri tal-UE għandhom jittrasponuha fil-liġi nazzjonali tagħhom sas-6 ta' Mejju 2018.

L-għan ta' dan is-sett ġdid ta' regoli huwa li ċ-ċittadini jingħataw lura kontroll tad-data personali tagħhom, u li jiġi ssimplifikat l-ambjent regolatorju għan-negozju. Ir-riforma tal-protezzjoni tad-data hija fattur ewlieni tas-Suq Uniku Diġitali li l-Kummissjoni tat prijorità. Ir-riforma se tippermetti li ċ-ċittadini u n-negozji Ewropej jibbenefikaw bis-sħiħ mill‑ekonomija diġitali.

Għal aktar informazzjoni dwar dawn it-testi leġiżlattivi, jekk jogħġbok irreferi għal dawn il-links li ġejjin: