Strumenti tal-politika monetarja
L‑Eurosistema tuża għadd ta' strumenti tal‑politika monetarja approvati mill‑Kunsill Governattiv tal‑Bank Ċentrali Ewropew biex tilħaq l‑għanijiet tal‑politika monetarja tagħha. Dawn l‑istrumenti jirregolaw ir‑rati tal‑imgħax fuq żmien qasir, jimmaniġġaw is‑sitwazzjoni tal‑likwidità fis‑sistema bankarja, u jindikaw ukoll l‑orjentament ġenerali tal‑politika monetarja.
L‑istrumenti tal‑politika monetarja tal‑Eurosistema huma mfassla biex ikunu operazzjonalment effiċjenti u konsistenti mal‑prinċipji ta' ekonomija tas‑suq. Huma maħsuba wkoll biex jiżguraw li l‑banek jiġu ttrattati b'mod ugwali fiż‑żona tal‑euro kollha kemm hi, ikun xi jkun id‑daqs tagħhom jew il‑post fejn jinsabu. Fil‑prattika, l‑operazzjonijiet tal‑politika monetarja tal‑Eurosistema jitwettqu permezz tal‑Banek Ċentrali Nazzjonali taż‑żona tal‑euro. Il‑Bank Ċentrali ta' Malta, għalhekk, hu responsabbli biex iwettaq l‑operazzjonijiet tal‑politika monetarja tal‑Eurosistema f'Malta.
L‑Eurosistema għandha għad‑dispożizzjoni tagħha tliet strumenti standard tal‑politika monetarja, li huma:
- operazzjonijiet tas‑suq miftuħ - hemm erba' tipi li jinkludu operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament, operazzjonijiet ta' rifinanzjament fuq żmien itwal, operazzjonijiet ta' aġġustament, u operazzjonijiet strutturali;
- faċilitajiet permanenti - hemm żewġ tipi: il‑faċilità tas‑self marġinali u l‑faċilità tad‑depożitu;
- rekwiżiti ta' riżervi minimi - l‑ammont minimu ta' depożiti li l‑istituzzjonijiet ta' kreditu fiż‑żona tal‑euro huma obbligati jżommu f'kontijiet mal‑banek ċentrali tagħhom.
Sa mill‑intensifikazzjoni tal‑kriżi finanzjarja f'Settembru 2008, il‑BĊE introduċa għadd ta' miżuri straordinarji tal‑politika monetarja għall‑ħarsien tal‑għan ewlieni tal‑istabbiltà tal‑prezzijiet u biex jiżgura li l‑mekkaniżmu tat‑trasmissjoni tal‑politika monetarja jibqa' jiffunzjona.
F'Lulju 2013, il‑BĊE introduċa indikazzjonijiet għall‑ġejjieni. Il‑Kunsill Governattiv tal‑BĊE ddikjara li jistenna li r‑rati ewlenin tal‑imgħax tal‑BĊE se jibqgħu fil‑livell attwali jew f'livelli iżjed baxxi għal perjodu twil ta' żmien.