Politika Monetarja
Fl‑1 ta' Jannar 2008, Malta adottat l‑euro uffiċjalment bħala l‑munita nazzjonali tagħha. B'hekk il‑Bank Ċentrali ta' Malta sar membru tal‑Eurosistema, bl‑għan ewlieni li jżomm l‑istabbiltà tal‑prezzijiet, skont it‑Trattat dwar il‑Funzjonament tal‑Unjoni Ewropea u l‑Istatut tas‑Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ) u tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).
Permezz tal‑parteċipazzjoni tal‑Gvernatur fil‑Kunsill Governattiv tal‑BĊE, il‑Bank Ċentrali ta' Malta jikkontribwixxi għad‑deċiżjonijiet dwar il‑politika monetarja li jolqtu liż‑żona tal‑euro. Il‑Bank hu responsabbli wkoll għall‑implimentazzjoni ta' dawn id‑deċiżjonijiet f'Malta, bl‑użu ta' firxa ta' strumenti tal‑politika monetarja approvati mill‑Kunsill Governattiv tal‑BĊE.