- Home
-
- Stabbiltà Finanzjarja
Stabbiltà Finanzjarja
L‑Artikolu 5(1) tal‑Att dwar il‑Bank Ċentrali ta' Malta jagħti mandat lill‑Bank biex jiżgura l‑istabbiltà tas‑sistema finanzjarja, u biex jifformula u jimplimenta l‑politika makroprudenzjali. L‑istabbiltà finanzjarja tirrifletti l‑kapaċità tas‑sistema finanzjarja, inklużi l‑istituzzjonijiet, is‑swieq u l‑infrastrutturi, li b'mod effiċjenti jipprovdu lill‑ekonomija reali l‑intermedjazzjoni tal‑kreditu u s‑servizzi ta' pagament meħtieġa, biex b'hekk jippermettu li l‑ekonomija tikseb tkabbir sostenibbli, talloka tfaddil favur opportunitajiet ta' investiment u tiffaċilita sistema effiċjenti ta' pagamenti. L‑istabbiltà finanzjarja tippermetti wkoll lis‑sistema finanzjarja li tassorbi l‑iskossi u b'hekk tikkontrolla r‑riskji li jistgħu jagħmlu ħsara lill‑ħidma tagħha u, konsegwentement, lill‑ekonomija.
Fil‑ħidma tiegħu biex jiżgura l‑istabbiltà tas‑sistema finanzjarja, il‑Bank Ċentrali ta' Malta jassumi r‑rwol ta' awtorità makroprudenzjali u joħroġ Direttivi biex jimplimenta l‑politika makroprudenzjali u jħaddem l‑għodda makroprudenzjali f'termini tal‑Artikolu 17A tal‑Att dwar il‑Bank Ċentrali ta' Malta. Biex jissodisfa l‑obbligi internazzjonali tiegħu fir‑rigward tas‑sorveljanza makroprudenzjali, il‑Bank normalment jikkoopera mal‑Bord Ewropew dwar ir‑Riskju Sistemiku, mal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u ma' awtoritajiet mikroprudenzjali u makroprudenzjali oħra, nazzjonali jew internazzjonali, fl‑iskambju ta' informazzjoni biex tiġi żgurata sorveljanza effettiva. Il‑Bank jidentifika wkoll ir‑riskji sistemiċi potenzjali u jikkontribwixxi għall‑formulazzjoni tal‑politika makroprudenzjali u għar‑rakkomandazzjonijiet biex jittaffew riskji bħal dawn. Il‑Bank jippubblika l‑analiżi u s‑sejbiet tiegħu dwar l‑istabbiltà finanzjarja fil‑ħarġa annwali tar‑Rapport dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja, li tiegħu joħroġ aġġornament f'nofs is‑sena.
Fuq il‑livell domestiku, il‑Bank Ċentrali ta' Malta jikkollabora mill‑qrib mal‑Awtorità għas‑Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA), li hi l‑awtorità responsabbli għar‑regolazzjoni u s‑superviżjoni tas‑settur finanzjarju, fir‑rigward ta' kwistjonijiet tal‑istabbiltà finanzjarja u, fejn ikun rilevanti, mal‑Ministeru għall‑Finanzi (MFIN). Biex titħeġġeġ din il‑kollaborazzjoni, l‑Artikolu 17B tal‑Att dwar il‑Bank Ċentrali ta' Malta jwaqqaf Bord Konġunt dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja (JFSB). L‑għan ewlieni tal‑JFSB hu li jiżgura kooperazzjoni effettiva bejn l‑awtoritajiet rilevanti dwar kwistjonijiet li jolqtu lill‑istabbiltà finanzjarja.
Il‑Bank jikkontribwixxi wkoll għaż‑żamma tal‑istabbiltà finanzjarja fi ħdan iż‑żona tal‑euro u fl‑Unjoni Ewropea permezz tal‑parteċipazzjoni tiegħu fl‑Eurosistema (inkluż il‑Mekkaniżmu Superviżorju Uniku ‑ MSU) u fi strutturi oħra tal‑UE.
Il‑Bank u l‑MFSA jipparteċipaw fl‑istrutturi rispettivi tas‑Sistema Ewropea ta' Superviżjoni Finanzjarji (ESFS), li hi komposta mill‑Bord Ewropew dwar ir‑Riskju Sistemiku (ESRB) u l‑Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ESA) jiġifieri, l‑Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), l‑Awtorità Ewropea għall‑Assigurazzjoni u l‑Pensjonijiet tal‑Impjieg (EIOPA) u l‑Awtorità Ewropea għat‑Titoli u s‑Swieq (ESMA).
L‑ESRB hu responsabbli għas‑sorveljanza makroprudenzjali tas‑sistema finanzjarja fi ħdan l‑Unjoni Ewropea, biex jgħin ħalli jiġu evitati jew jittaffew riskji sistemiċi li jinqalgħu minħabba żviluppi fis‑sistema finanzjarja. Barra dan, l‑ESRB jikkontribwixxi għall‑funzjonament bla xkiel tas‑suq intern biex b'hekk jiżgura kontribut sostenibbli għat‑tkabbir ekonomiku mis‑settur finanzjarju. L‑ESRB għandu wkoll is‑setgħa li joħroġ twissijiet u rakkomandazzjonijiet fir‑rigward ta' riskji sistemiċi. Dawn jiġu indirizzati b'mod partikolari lill‑Unjoni kollha kemm hi jew lil Stat Membru wieħed jew aktar, jew lil waħda jew aktar mill‑ESAs, jew lil waħda jew aktar mill‑awtoritajiet superviżorji nazzjonali, bi skadenza speċifikata għar‑reazzjoni politika rilevanti. Il‑Bank jipparteċipa fl‑ESRB u hu rappreżentat ukoll fl‑EBA, waqt li l‑MFSA tipparteċipa fl‑ESRB u f'kull waħda mit‑tliet ESAs.
Il‑Bank jipparteċipa bħala osservatur fil‑Bord Superviżorju tal‑ BĊE, li hu l‑korp fdat bis‑superviżjoni tal‑istituzzjonijiet ta' kreditu li għandha ssir mill‑BĊE f'termini tal‑MSU. Il‑MSU hu magħmul mill‑BĊE u mill‑awtoritajiet kompetenti nazzjonali ta' pajjiżi parteċipanti tal‑UE. L‑għan aħħari tal‑MSU hu li jiżgura s‑sigurtà u s‑solidità tas‑sistema bankarja Ewropea, u li jsaħħaħ l‑integrazzjoni u l‑istabbiltà finanzjarja fl‑Ewropa. Taħt is‑sistema l‑ġdida ta' superviżjoni, il‑BĊE se jagħmel superviżjoni diretta ta' istituzzjonijiet ta' kreditu importanti. Se jaħdem mill‑qrib mal‑awtoritajiet kompetenti nazzjonali fis‑superviżjoni tal‑istituzzjonijiet ta' kreditu l‑oħra kollha, taħt is‑sorveljanza ġenerali tal‑BĊE. Il‑BĊE jista' jiddeċiedi fi kwalunkwe ħin li jieħu responsabbiltà diretta għal istituzzjoni ta' kreditu inqas importanti. Il‑Bord Superviżorju jippjana u jwettaq id‑dmirijiet superviżorji tal‑BĊE, jagħmel xogħol preparatorju u jipproponi abbozzi kompluti ta' deċiżjonijiet għall‑adozzjoni mill‑Kunsill Governattiv tal‑BĊE.