Litteriżmu Finanzjarju
Il-litteriżmu finanzjarju qed jiġi rikonoxxut dejjem aktar bħala ħila essenzjali għall-ħajja u fattur ewlieni għall-istabbiltà ekonomika u l-kwalità tal-ħajja. Skont l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD), il-litteriżmu finanzjarju huwa taħlita ta' għarfien, għerf, ħiliet, attitudnijiet u mġiba li tippermetti lill-individwi jieħdu deċiżjonijiet finanzjarji infurmati. Persuni b'livell ogħla ta' litteriżmu finanzjarju huma f'pożizzjoni aħjar li jimmaniġġjaw flushom b'mod responsabbli, jaħsbu u jippjanaw fit-tul.
Il-litteriżmu ekonomiku huwa ugwalment importanti biex jagħti s-setgħa lill-individwi jifhmu kunċetti ekonomiċi, jieħdu deċiżjonijiet infurmati, jimmaniġġjaw ir-riżorsi b'mod effettiv u jipparteċipaw b'kunfidenza fil-ħajja ekonomika. Dan jippermetti lin-nies janalizzaw, jiddiskutu u jirreaġixxu għal kwistjonijiet ekonomiċi li jaffettwawhom fid-diversi rwoli li jassumu fil-ħajja bħala konsumaturi, ħaddiema, intraprendituri, investituri, u ċittadini. Tisħiħ fil-litteriżmu ekonomiku mhux biss huwa ta' benefiċċju għall-individwi iżda jikkontribwixxi wkoll għal żvilupp soċjali u nazzjonali usa' tas-soċjetà u l-pajjiż billi jappoġġa tkabbir ekonomiku inklużiv u sostenibbli.
Filwaqt li l‑litteriżmu finanzjarju u ekonomiku huwa marbuta mill‑qrib, wieħed mill‑għanijiet strateġiċi tal‑Bank Ċentrali ta' Malta hu li jagħti enfasi akbar lil‑litteriżmu ekonomiku. Il‑Bank jikkontribwixxi għal dan il‑għan permezz ta' parteċipazzjoni attiva fin‑Network tal‑Eurosistema dwar il‑Litteriżmu Finanzjarju, fil‑Forum Malti dwar il‑Litteriżmu Finanzjarju, kif ukoll permezz ta' għadd ta' inizjattivi oħra. Dawn jinkludu taħditiet edukattivi, pubblikazzjonijiet informattivi, kampanji fuq il‑midja soċjali, kontribuzzjonijiet għal programmi televiżivi u podcasts. Il‑Bank jipprovdi wkoll sessjonijiet informattivi dwar kif tagħraf il‑falsifikazzjoni tal-flus ġenwini mill-foloz.

Żjajjar fil-Bank Ċentrali ta' Malta
Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jilqa’ wkoll żjajjar informattivi/edukattivi tul is‑sena kollha. Dawn is‑sessjonijiet isiru l‑Bank. Waqt iż‑żjajjar edukattivi, l‑istudenti jingħataw deskrizzjoni ġenerali tal‑irwol u l‑funzjonijiet tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta u tal‑interazzjoni tiegħu mal‑Eurosistema. Wara dan, issir preżentazzjoni qasira dwar il‑karatteristiċi tas‑sigurtà tal‑karti tal‑flus u tal‑muniti tal‑euro.
Dawn is‑sessjonijiet jiġu offruti l‑iżjed lil studenti tal‑iskejjel sekondarji u terzjarji li jkunu qed isegwu studji dwar l‑ekonomija/in‑negozju. Kull sessjoni hi miftuħa għal gruppi ta’ mhux iżjed minn 30 student/a u l‑preżentazzjonijiet idumu madwar siegħa.
Sabiex torganizza żjara, jekk jogħġbok ikkuntattjana hawn. Filwaqt li jsir kull sforz sabiex jiġu akkomodati t‑talbiet, jiddispjaċina li dan mhux dejjem ikun possibbli.
Programm ta' outreach
Il‑Bank hu attiv ħafna fir‑rigward tal‑promozzjoni tal‑edukazzjoni finanzjarja fost il‑professjonisti fil‑maniġġ tal‑flus li jaħdmu fl‑istituzzjonijiet finanzjarji, fil‑ħwienet u l‑każinos, u joffri taħriġ u kif ukoll ċertifikazzjoni.
Bil‑kollaborazzjoni tal‑Ministeru għall‑Edukazzjoni u x‑Xogħol, il‑Bank Ċentrali joffri wkoll sessjonijiet ta’ informazzjoni dwar il‑flus tal‑euro lill‑iskejjel tal‑Istat, tal‑Knisja u Indipendenti, li joffru lill‑istudenti l‑opportunità li japprezzaw ix‑xogħol relatat mal‑provvista tal‑flus tagħna u jkunu jistgħu jiċċekkjaw il‑karti tal‑flus u l‑muniti tagħhom sabiex ikunu żguri li l‑flus li jkollhom f’idejhom huma tajbin u ġenwini.
Il‑Bank jipparteċipa wkoll fin‑Notte Bianca u jinqeda b’dan l‑avveniment kulturali bħala mod biex iwassal l‑attivitajiet tiegħu għand il‑pubbliku, bil‑preżenza wkoll ta’ impjegati li jispjegaw dwar kif tagħraf il‑karti tal‑flus u l‑muniti foloz.
Inizjattivi Edukattivi oħra
Fond tal‑Premju John Earland
Fl‑2005, il‑Bank Ċentrali ta’ Malta waqqaf il‑Fond tal‑Premju John Earland. John Earland, eks Gvernatur tal‑Bank, għamel donazzjoni tas‑somma ta’ US$10,000 biex iwaqqaf fond għall‑finanzjament ta’ premju annwali għall‑aħjar riżultat akkademiku jew essay relatat ma’ kwalunkwe waħda mill‑funzjonijiet tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta. L‑għan tal‑premju hu li jkattar l‑għarfien ta’ kwistjonijiet relatati mal‑Bank Ċentrali ta’ Malta u li jħeġġeġ l‑aġġornament tal‑ħiliet u tal‑għarfien f'dan il‑qasam.
Ir‑regolamenti
.