Operat tas-Suq
Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta ilu jiffunzjona bħala market maker għat‑titoli tal‑Gvern ta’ Malta (magħrufa wkoll bħala stokks jew bonds tal‑Gvern) sa mit‑twaqqif tiegħu fl‑1968. S’issa, minħabba d‑daqs żgħir tas‑suq, ma kien hemm ebda market makers privati oħra jew aġenti primarji f’Malta li kienu lesti jidħlu għal dan ir‑rwol. B’hekk, il‑Bank ikkontribwixxa b’mod sinifikanti għall‑iżvilupp tas‑suq monetarju domestiku u tas‑swieq domestiċi tal‑kapital, u tejjeb il‑likwidità tat‑titoli tal‑Gvern ta’ Malta.
Ir‑rwol tal‑Bank bħala market maker hu limitat esklussivament għal transazzjonijiet fis‑suq sekondarju, assolutament mingħajr ebda parteċipazzjoni fis‑suq primarju. Tabilħaqq, il‑Bank hu statutorjament prekluż mill‑parteċipazzjoni fis‑suq primarju fir‑rigward ta’ kull xorta ta’ strument tad‑dejn tas‑settur pubbliku. Il‑funzjoni tal‑Bank bħala market maker titwettaq permezz tal‑Uffiċċju tat‑Titoli tal‑Gvern, li jippubblika l‑prezzijiet u r‑redditi ta’ kuljum tat‑titoli tal‑Gvern ta’ Malta, jiġifieri Titoli tal‑Gvern ta’ Malta u Bills tat‑Teżor tal‑Gvern ta’ Malta. Din it‑taqsima tinkludi wkoll rapporti dwar is‑Suq Monetarju u Opinjonijiet Legali dwar l‑Esekwibbiltà ta’ Master Agreements.