Rati tal-imgħax tal-Bank Ċentrali Ewropew
Kull sitt ġimgħat, il‑Kunsill Governattiv tal‑Bank Ċentrali Ewropew normalment jistabbilixxi tliet rati ewlenin tal‑imgħax għaż‑żona tal‑euro:
- ir‑rata ewlenija ta’ rifinanzjament;
- ir‑rata fuq is‑self marġinali;
- ir‑rata tad‑depożitu.
Ir‑rata ewlenija ta’ rifinanzjament hi r‑rata tal‑imgħax fuq l‑operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament, li normalment jipprovdu l‑biċċa l‑kbira tal‑likwidità lis‑sistema bankarja.
Ir‑rata fuq is‑self marġinali hi r‑rata tal‑imgħax fuq il‑faċilità tas‑self marġinali tal‑Eurosistema li l‑banek jistgħu jużaw biex jiksbu kreditu mill‑Eurosistema.
Ir‑rata tad‑depożitu hi r‑rata tal‑imgħax imħallsa fuq il‑likwidità żejda li l‑istituzzjonijiet ta’ kreditu jistgħu jiddepożitaw mal‑Eurosistema.