Is‑Sur Alexander Demarco nħatar Deputat Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta fl‑1 ta' Jannar 2014. Qabel din il‑ħatra kien Kap tal‑Financial Stability Department tal‑Bank. Hu daħal jaħdem 'il Bank fl‑1984 u tul il‑biċċa l‑kbira tal‑karriera tiegħu ħadem bħala ekonomista ewlieni fl‑Economics Research Department tal‑Bank, u wara nħatar Kap tal‑EU and International Relations Department. Hu ggradwa B.A. (Hons) fl‑Ekonomija mill‑Università ta' Malta, u studja għall‑grad ta' Masters fl‑Università ta' Warwick, fir‑Renju Unit, fejn speċjalizza fil‑qasam tal‑Ekonomija Monetarja u l‑Kummerċ Internazzjonali.
Tul il‑karriera tiegħu fil‑Bank, hu kien involut direttament fil‑bini tal‑ewwel mudell ekonometriku tal‑Bank u kien responsabbli għat‑tbassir makroekonomiku tal‑Bank. Kien involut ukoll b'mod attiv fit‑tħejjijiet u n‑negozjati għas‑sħubija ta' Malta fl‑UE, u wara fl‑aspetti tal‑politika tar‑rata tal‑kambju fir‑rigward tat‑tħejjijiet għall‑parteċipazzjoni fil‑Mekkaniżmu tar‑Rata tal‑Kambju, ERM II, qabel is‑sħubija ta' Malta fl‑Eurosistema. Hu ppubblika wkoll għadd ta' artikli fil‑pubblikazzjonijiet tal‑Bank. Is‑Sur Demarco hu membru tal‑Bord tas‑Superviżuri tal‑Awtorità Bankarja Ewropea u tal‑Bord Superviżorju tal‑Bank Ċentrali Ewropew.
|
|