About Us

Mistoqsijiet komuni

Nista' niġi l‑Bank biex inġedded id‑data ta' ċekk (maħruġ fuq il‑Bank Ċentrali ta' Malta) li skada?

Le, il‑persuna li ffirmat iċ‑ċekk biss tista' tagħmel tibdil bħal dan. Jekk iċ‑ċekk skadut inħareġ minn Dipartiment tal‑Gvern, il‑persuna li ċ‑ċekk inħareġ f'isimha għandha tikkuntattja lil dak id‑Dipartiment biex iġġedded id‑data tiegħu.

Nista' nsarraf ċekkijiet fil‑Bank Ċentrali ta' Malta?

Iċ‑ċekkijiet maħruġin fuq il‑Bank Ċentrali ta' Malta biss jistgħu jissarrfu f'dan il‑Bank.

Nista' nixtri/nbigħ munita barranija fil‑Bank Ċentrali ta' Malta?

Le; il‑pubbliku ġenerali għandu jagħmel transazzjonijiet ta' natura kummerċjali f'bank kummerċjali.

Nista' niftaħ kont mal‑Bank Ċentrali ta' Malta?

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta mhuwiex bank kummerċjali u ma joffrix servizzi bankarji kummerċjali għall‑pubbliku ġenerali, bħal pereżempju l‑ftuħ ta' kontijiet.

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta joffri xi servizzi oħra lill‑pubbliku ġenerali?

Il‑Bank jaqleb għall‑euro l‑karti tal‑flus tal‑Lira Maltija li issa m'għadhomx fiċ‑ċirkolazzjoni. Saru ħafna avviżi fil‑midja dwar iż‑żmien sakemm dawn il‑karti tal‑flus jistgħu jinqalbu għall‑euro. Iżjed informazzjoni tista' tinkiseb minn hawn. Muniti maħruġa mill‑Bank għal għanijiet ta' numismatika jistgħu jinxtraw mill‑Malta Coins Distribution Centre li jinsab fil‑bini ewlieni tal‑Bank.

Liema karti tal‑flus tal‑lira Maltija għadhom jistgħu jinqalbu għall‑euro?

Il‑karti tal‑flus tal‑Lira Maltija tal‑ħames sensiela, kif imsemmi hawn taħt, għadhom jistgħu jinqalbu għall‑euro fil‑Bank Ċentrali ta' Malta sal‑31 ta' Jannar 2018:

DenominazzjoniKulurKaratteristiċi fuq quddiem Karatteristiċi fuq wara

Lm2

Aħmar skur

Ix-xbieha allegorika ta’ Malta fuq il-lemin, l-emblema tanNazzjonijiet Uniti, ħamiem, l-istemma araldika talBank Ċentrali ta’ Malta u disinji ta’ mużajk misjub qalb fdalijiet Rumani

Il-bini amministrattiv fil-Medju Evu

Lm5

Blu

Id-daħla u t-torrijiet storiċi tal-Imdina

Lm10

Aħdar

Pittura li tfakkar l-irvellijiet tas-7 ta’ Ġunju 1919

Lm20

Oranġjo-isfar

L-ewwel Prim Ministru ta’ Malta Indipendenti li qed juri d-Dokument tal‑Indipendenza

Il-muniti tal-lira Maltija m’għadhomx jistgħu jinqalbu għall-euro.

Iżjed informazzjoni tista’ tinkiseb minn hawn.

X'għandi nagħmel jekk ikolli suspett li xi karta tal‑flus jew munita tkun falza?

Kull individwu għandu obbligu legali li jirtira miċ‑ċirkolazzjoni karti tal‑flus jew muniti li jaħseb li huma foloz, u għandu jgħaddi lill‑Bank Ċentrali ta' Malta dawk il‑karti tal‑flus jew muniti li jqajmu suspett li jistgħu jkunu foloz. Il‑Bank għandu d‑dritt li jimponi penali amministrattiva fuq kull persuna li tikser dan l‑obbligu legali.

X'għandi nagħmel jekk ikolli karta tal-flus tal-euro li tkun saritilha l-ħsara jew li tkun imqabra jew sfreġjata?

Il-Bank Ċentrali ta' Malta jbiddel karti tal-flus tal-euro ġenwini li tkun saritilhom xi ħsara jew li jkunu mqabrin jew sfreġjati, jekk wieħed jippreżenta aktar minn nofs il-karta tal-flus jew jekk wieħed jista' jipprova li l-parti n-nieqsa tal‑karta tal-flus ġiet meqruda. Karti tal-flus li jkunu mqabrin jew sfreġjati jew li tkun saritilhom il-ħsara intenzjonalment ma jiġux mibdula.

Nista' nakkwista kull pubblikazzjoni tal‑Bank Ċentrali ta' Malta direttament mill‑Bank?

Il‑pubblikazzjonijiet ewlenin tal‑Bank huma r‑Rivista ta' Kull Tliet Xhur, ir‑Rapport Annwali u r‑Rapport dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja. Dawn huma disponibbli fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank. Madankollu, kopja stampata tista' tiġi akkwistata wkoll billi wieħed imur il‑Bank personalment. (Dan biss jekk ikun baqa' kopji disponibbli).

Nista' nressaq ilment quddiem il‑Bank Ċentrali ta' Malta dwar banek kummerċjali jew fornituri oħra ta' servizzi finanzjarji?

Kull ilment dwar is‑sistema bankarja jew dwar fornituri ta' servizzi finanzjarji għandu jitressaq direttament quddiem l‑Awtorità Maltija għas‑Servizzi Finanzjarji (MFSA), li hi responsabbli mir‑regolazzjoni u s‑superviżjoni tas‑servizzi bankarji u finanzjarji f'Malta.