Protezzjoni tad-data
Skont l-Att dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data, Kap. 440, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta jiġi nominat Kontrollur ta' Data skont it-termini tal-istess Att. Il-Bord tad-Diretturi hu responsabbli għall-konformità mal-Att, waqt li Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data maħtur mill-Bord jimmaniġġa l-kwistjonijiet ta' kuljum.
L‑impjegati kollha tal‑Bank Ċentrali ta' Malta li jipproċessaw data personali għandhom jaġixxu b'mod konformi mar‑rekwiżiti stabbiliti b'dan l‑Att. Il‑Bank Ċentrali ta' Malta jiżgura li l‑prinċipji tal‑protezzjoni tad‑data elenkati fl‑Att jiġu segwiti u implimentati għalkollox. Biex dan jitwettaq, il‑Bank żviluppa wkoll politika interna għall‑protezzjoni tad‑data li trid tiġi osservata mill‑impjegati kollha meta jipproċessaw data personali.
Id‑Disa' Prinċipji ta' 'maniġġ korrett tal‑informazzjoni':
L‑Artikolu 7 tal‑Att jelenka r‑rekwiżiti għall‑ipproċessar, fejn l‑iskop ewlieni ta' dawn il‑prinċipji hu l‑protezzjoni tal‑interessi tal‑individwi li għalihom tirreferi d‑data pproċessata. Biex tiġi żgurata l‑konformità mal‑Att, il‑kontrollur tad‑data għandu jiżgura li:
- Id‑data personali tiġi pproċessata b'mod ġust u legali;
- Id‑data personali dejjem tiġi pproċessata b'konformità mal‑prattika tajba;
- Id‑data personali tinġabar biss għal skopijiet li jkunu speċifiċi, iddikjarati b'mod espliċitu u leġittimi;
- Id‑data personali ma tiġix ipproċessata għal skopijiet li jkunu inkompatibbli mal‑iskop li għalih tinġabar l‑informazzjoni;
- Id‑data personali li tiġi pproċessata tkun adegwata u rilevanti fir‑rigward tal‑iskopijiet tal‑ipproċessar;
- Ma tiġix ipproċessata data personali iżjed milli jkun meħtieġ fir‑rigward tal‑iskopijiet tal‑ipproċessar;
- Id‑data personali li tiġi pproċessata tkun korretta u, jekk ikun meħtieġ, aġġornata;
- Jittieħdu l‑miżuri kollha raġonevoli biex id‑data tiġi kompletata, korretta, imblukkata jew imħassra jekk it-tali data tkun inkompluta jew inkorretta fir‑rigward tal‑iskopijiet li għalihom tiġi pproċessata;
- Id‑data personali ma tinżammx għal perjodu itwal milli meħtieġ, fir‑rigward tal‑iskopijiet li għalihom tiġi pproċessata.
Aktar informazzjoni dwar il‑prinċipji u l‑leġiżlazzjoni tal‑Protezzjoni tad‑Data tista' tinkiseb mis-sit elettroniku tal‑Uffiċċju tal‑Kummissarju għall‑Informazzjoni u l‑Protezzjoni tad‑Data.