Mistoqsijiet komuni
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta, permezz tal‑Istatistics Department, jippubblika firxa wiesgħa ta' statistika ekonomika u finanzjarja dwar l‑oqsma monetarji u esterni, l‑istabbiltà finanzjarja, il‑finanzi tal‑gvern u l‑ekonomija reali. Dawn huma l‑iżjed mistoqsijiet komuni (FAQs) relatati ma' din l‑istatistika. Jekk jogħġbok ibagħtilna e‑mail jekk ma tistax issib l‑istatistika li qed tfittex jew jekk għandek xi mistoqsijiet dwar id‑data.
Statistika Monetarja u Bankarja
M: Fejn nista' nsib statistika dwar il‑provvista tal‑flus M1, M2 u M3?
T: L‑istatistika dwar il‑provvista tal‑flus hi inkluża fit‑Tabella msejħa "The Contribution of Resident MFIs to Euro Area Monetary Aggregates" fis‑sit tagħna.
M: Fejn nista' nsib data dwar is‑self lill‑individwi?
T: It‑Tabella msejħa "Other Monetary Financial Institutions' loans by sector" tipprovdi serje kronoloġika dwar self mogħti lill‑individwi minn istituzzjonijiet finanzjarji monetarji oħra.
M: Fejn nista' nsib statistika monetarja u finanzjarja storika?
T: Data storika li tmur lura għas‑snin sittin tinsab fl‑aħħar tal‑paġna elettronika imsejħa "Swieq monetarji, bankarji u finanzjarji" taħt "Data Storika Oħra".
M: Nista' nsib ukoll statistika fil‑livell ta' istituzzjonijiet individwali?
T: Le. Għal raġunijiet ta' kunfidenzjalità, il‑Bank ma jippubblikax data dwar istituzzjonijiet individwali.
M: Tistgħu tipprovdu r‑rata bażi ta' bank partikolari?
T: Le. Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ma jistax jipprovdi informazzjoni dwar istituzzjonijiet individwali u jissuġġerixxi li l‑mistoqsija tiġi indirizzata lill‑istituzzjoni kkonċernata.
M: Fejn nista' nsib statistika dwar l‑operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament u r‑rati ċentrali tal‑intervent?
T: It‑Tabella msejħa "Key CBM, ECB and money market interest rates (including historic data 1997-2007)" tipprovdi serje kronoloġika li tmur lura għal Jannar 1997. Minn Jannar 2008, meta Malta ssieħbet fiż‑żona tal‑euro, il‑Bank beda jippubblika "ir‑rata tal‑operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament", li ssostitwiet "ir‑rata ċentrali tal‑intervent".
M: X'inhi d‑differenza bejn flussi/transazzjonijiet u pożizzjonijiet?
T: Waqt li pożizzjonijiet huma bilanċi dovuti fl‑aħħar jew fil‑bidu ta' perjodu ta' żmien, fluss hu definit bħala s‑somma ta' wieħed jew ta' diversi minn dawn li ġejjin: (a) transazzjoni waħda (b) bidla fil‑valur ta' ass/obbligazzjoni finanzjarju/a jew (ċ) bidliet oħra fil‑volum ta' ass/obbligazzjoni.
M: X'inhi d‑differenza bejn il‑bilanċ tal‑pagamenti u l‑pożizzjoni tal‑investiment internazzjonali?
T: Il‑bilanċ tal‑pagamenti hu rendikont li jagħti sommarju tat‑transazzjonijiet ekonomiċi bejn residenti u barranin matul perjodu ta' żmien speċifiku, waqt li l‑pożizzjoni tal‑investiment internazzjonali hi stqarrija li turi l‑valur, f'mument partikolari, (a) tal‑assi finanzjarji tar‑residenti ta' ambjent ekonomiku li huma obbligazzjonijiet ta' barranin jew li huma ingotti tad‑deheb miżmuma bħala assi ta' riżerva u (b) tal‑obbligazzjonijiet ta' residenti ta' ambjent ekonomiku fil‑konfront ta' barranin.
M: Fejn nista' nsib data dwar l‑investimenti barranin?
T: L‑istatistika dwar l‑investimenti barranin hi inkluża fit‑Tabella "International Investment Position".
Ir‑Rati tal‑Kambju
M: Kif jiġu kkalkulati l‑medji tar‑rati ta' kull xahar, trimestrali u annwali?
T: Il‑medji tar‑rati annwali, trimestrali u ta' kull xahar jiġu kkalkulati abbażi tar‑rati ta' kuljum (per eżempju r‑rati għall‑euro jinħarġu darba kuljum mill‑BĊE) għall‑perjodu rispettiv. Il‑ġranet ta' tmiem il‑ġimgħa u l‑festi huma esklużi mill‑kalkolu.
M: Meta u minn min jiġu ffissati r‑rati tal‑kambju għall‑euro?
T: Il‑BĊE jiffissa r‑rati ta' referenza tal‑kambju għall‑euro kuljum fis‑2.15 p.m. Dawn ir‑rati ta' referenza jiġu ppubblikati fis‑sit tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.
M: Fejn nista' nsib ir‑rati tal‑kambju għall‑euro?
T: Il‑Bank jippubblika r‑rati tal‑kambju tal‑muniti barranin ewlenin kuljum. Ir‑rati tal‑kambju għall‑euro ilhom disponibbli mill‑1 ta' Jannar 1999. Dawn jiġu ffissati kuljum fis‑2.15 p.m mill‑BĊE u mbagħad jiġu ppubblikati fuq is‑sit tagħna.
Statistika dwar il‑Finanzi tal‑Gvern
M: Fejn nista' nsib data dwar id‑defiċit u d‑dejn tal‑gvern ġenerali?
T: Id‑data dwar id‑defiċit u d‑dejn tal‑gvern ġenerali hi inkluża fit‑Tabelli "General Government Revenue and Expenditure" u "General Government Debt and Guaranteed Debt Outstanding".
L‑Indikaturi tal‑Ekonomija Reali
M: Fejn nista' nsib statistika dwar l‑indiċi tal‑prezzijiet tal‑proprjetà?
T: L‑istatistika dwar l‑indiċi tal‑Bank tal‑prezzijiet tal‑proprjetà kif irriklamati hi disponibbli fit‑Tabella "Property Prices Index (based on Advertised Prices)".
Mistoqsijiet komuni oħra dwar l‑istatistika
M: Nista' nuża l‑istatistika direttament ma' programmi tal‑kompjuter?
T: Tista' tuża l‑istatistika li tidher fuq is‑sit faċilment u direttament ma' applikazzjonijiet normali tal‑kompjuter għaliex id‑data hi kollha f'format excel.
Jekk għandek xi mistoqsijiet oħra, jekk jogħġbok ikkuntattjana bl‑e‑mail.
Politika dwar Ħlas għal Servizzi
Il‑Bank iqis kull talba għal statistika skont il‑każ individwali. Jekk talba partikolari titqies li ser tkun ta' piż żejjed fuq l‑istaff u r‑riżorsi, il‑Bank jista' jiċħad it‑talba. F'każ li t‑talba tintlaqa', il‑Bank jista' jitlob ħlas għas‑servizz, kif indikat hawn taħt:
Ħlas fiss:
|
€10.00 + VAT
|
Ħlas bis-siegħa:
|
€20.00 + VAT
|
F'każijiet fejn jista' jintalab ħlas, il‑parti li tagħmel it‑talba tiġi infurmata minn qabel dwar il‑ħlas dovut u x‑xogħol għal dik it‑talba jibda biss meta l‑ammont dovut jiġi aċċettat u kkonfermat.
Informazzjoni dwar id‑dritt tal‑awtur
Il‑Bank iżomm id‑dritt tal‑awtur għall‑istatistika kollha ppubblikata minnu u għandu jiġi rikonoxxut bħala s‑sors kull meta d‑dejta akkwistata mingħandu tiġi riprodotta minn terzi.