Economics Statistics

Statistika

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta (il‑Bank) hu responsabbli għall‑ġbir, il‑kumpilazzjoni u l‑pubblikazzjoni ta' firxa ta' statistika. Bħala membru tas‑Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ), il‑Bank jimxi fuq il‑Prinċipji prevalenti u l‑Istruttura ta' Governanza tas‑SEBĊ, kif miftiehma. Dawn il‑prinċipji jiżguraw li l‑istatistika kkumpilata tkun konformi ma' standards u linji gwida Ewropej u internazzjonali, u jisħqu fuq l‑importanza ta' prattika tajba u standards etiċi.

Fuq livell nazzjonali, il‑Bank għandu responsabbiltà ewlenija għall‑ġbir ta' statistika fil‑qasam Monetarju, Bankarju, dak tas‑Swieq Finanzjarji, tal‑Istabbiltà Finanzjarja, u tas‑Sistemi ta' Pagament. Biex jgħin fil‑ġbir ta' din l‑informazzjoni, il‑Bank iqiegħed għad‑dispożizzjoni tal‑istituzzjonijiet li għandhom dmir jirrappurtaw, formoli ta' Denunzja, Formoli għar‑Rapporti u Struzzjonijiet, flimkien ma' Noti Ġenerali u Lista ta' Abbrevjazzjonijiet.

Il‑Bank hu wkoll responsabbli għall‑kumpilazzjoni tal‑istatistika fil‑qasam tal‑Kontabilità Finanzjarja. Barra dan, flimkien mal‑Uffiċċju Nazzjonali tal‑Istatistika (NSO), il‑Bank hu involut fil‑kumpilazzjoni tal‑Istatistika Barranija ta' Malta, jiġifieri l‑Bilanċ tal‑Pagamenti (BOP) u l‑Pożizzjoni tal‑Investiment Internazzjonali (IIP). Il‑Bank hu responsabbli wkoll għall‑kumpilazzjoni tal‑istatistika dwar id‑Dejn Barrani ta' Malta u r‑Riżervi Barranin Gross, u jiġbor tagħrif statistiku dwar ir‑Riżervi Uffiċjali. Hu responsabbli wkoll għall‑kumpilazzjoni, skont il‑metodoloġija tal‑Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), tal‑Istatistika Finanzjarja tal‑Gvern mitluba kull sena mill‑Fond. Il‑qsim tar‑responsabbiltajiet bejn il‑Bank u l‑NSO fil‑qasam tal‑istatistika hu stabbilit fil‑Ftehim ta' Kooperazzjoni ffirmat miż‑żewġ istituzzjonijiet. Statistika oħra miġbura tinkludi firxa ta' Indikaturi tal‑Ekonomija Reali, inklużi Kampjuni ta' Stħarriġ dwar l‑iżviluppi, kemm domestiċi kif ukoll internazzjonali. Il‑Bank jippubblika statistika oħra fil‑website tal‑Bank u joħroġ ukoll Kalendarju Antiċipat ta' Stqarrijiet.

L‑istatistika tal‑Bank hi disponibbli wkoll fl‑Anness tat‑Tabelli tal‑Istatistika tar‑Rivista ta' Kull Tliet Xhur. Id‑data li tidher fuq il‑website għandha titqies bħala provviżorja sakemm tiġi ppubblikata fir‑Rivista ta' Kull Tliet Xhur.

Il‑Bank jipparteċipa wkoll fis‑Special Data Dissemination Standard (SDDS) tal‑FMI. L‑SDDS, fost affarijiet oħra, jistipula rekwiżiti kwalitattivi, il‑prattiċi li jistgħu itejbu l‑aċċessibbiltà, u l‑integrità u l‑kwalità tad‑data ppubblikata.

Bħala parti mill‑Eurosistema, il‑Bank jgħaddi firxa ta' statistika lill‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), li jidhru fl‑iStatistical Data Warehouse tal‑BĊE. Indikaturi magħżula għal Malta jistgħu jiġu mqabbla wkoll ma' indikaturi korrispondenti għaż‑żona tal‑euro, li wieħed jista' jara u jniżżel mill‑Paġni tal‑Istatistika tal‑website tal‑Bank Ċentrali Ewropew.

Wara d‑dħul tal‑euro fl‑2008, id‑data kollha qed tiġi ppubblikata bil‑valur tal‑euro; data li ħarġet fil‑passat bil‑valur tal‑Lira Maltija ġiet mibdula bir‑rata rrevokabbli tal‑konverżjoni skont il‑metodu li jużaw l‑NSO u l‑Bank.

Skont l‑istandards ġodda għall‑istatistika fl‑Unjoni Ewropea, is‑Sistema Ewropea tal‑Kontabiltà Nazzjonali u Reġjonali 2010 (ESA 2010) li daħlet fisseħħ f'Settembru 2014, il‑Bank Ċentrali ta' Malta qed jippubblika l‑istatistika nazzjonali, monetarja u finanzjarja, b'konformità ma' dan l‑istandard. L‑ewwel statistika abbażi tal‑ESA 2010 tirreferi għal data tat‑tielet trimestru tal‑2014 u hi akkumpanjata minn data b'lura paragunabbli li tkopri sa mill‑inqas l‑2010. Aktar informazzjoni dettaljata dwar l-impatt talESA 2010 fuq l-istatistika Ewropea tinsab fuq issit elettroniku tal-Bank, is-sit elettroniku tal-Bank Ċentrali Ewropew, filwaqt li l-impatt talESA 2010 fuq listatistika tal‑kontabilità nazzjonali u tal-finanzi tal-Gvern jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-NSO

Għal aktar informazzjoni, tista' tikkuntattjana permezz ta' e‑mail jew tikteb lil:

Head
Statistics Department
Bank Ċentrali ta’ Malta
Pjazza Kastilja
Valletta, VLT 1060
Malta