Kampjuni ta’ stħarriġ
Statistika monetarja u bankarja, dik dwar is‑swieq finanzjarji, il‑kontabilità finanzjarja, il‑bilanċ tal‑pagamenti u statistika relatata huma oqsma fejn il‑Bank Ċentrali ta’ Malta għandu responsabbiltà esklussiva jew responsabbiltà li jaqsam mal‑Uffiċċju Nazzjonali tal‑Istatistika (NSO). Firxa wiesgħa ta’ statistika ekonomika ġenerali oħra hi importanti wkoll għat‑tfassil tal‑politika tal‑Bank. Il‑Bank jaħdem mill‑qrib mal‑NSO biex jissodisfa r‑rekwiżiti tiegħu f’dawn l‑oqsma billi f’ħafna każijiet hemm rekwiżit legali tal‑UE għall‑ġbir ta’ din l‑istatistika. Meta statistika ekonomika ġenerali ma tkunx tista’ tinkiseb mingħand l‑NSO, il‑Bank jiġbor informazzjoni minn sorsi nazzjonali oħra billi, pereżempju, kultant żmien jieħu kampjuni ta’ stħarriġ dwar individwi u intrapriżi. Dan l‑istħarriġ jinkludi dan li ġej:
Stħarriġ dwar Finanzi u Konsum tal‑Individwi (HFCS)
Dan l‑istħarriġ jiġbor informazzjoni dwar il‑finanzi, id‑dħul, il‑konsum, it‑tfaddil, il‑ġid u indikaturi soċjo‑ekonomiċi oħra ta’ individwi Maltin.
Stħarriġ tal‑prezzijiet tal‑proprjetà kif reklamati
Dan l‑istħarriġ, li jsir kull tliet xhur, ikopri kampjun ta’ prezzijiet ta’ proprjetà kif reklamati, meħuda minn gazzetta lokali ta’ nhar ta’ Ħadd. B’hekk tingħata stampa tal‑iżviluppi fis‑suq tad‑djar f’Malta.
Aċċess għall‑karatteristiċi u r‑riżultati ewlenin ta’ dan l‑istħarriġ jinsab ukoll f’partijiet oħra tal‑websajt tal‑Bank; dawn jinsabu wkoll f’ħarġiet speċifiċi tar‑Rivista ta’ Kull Tliet Xhur jew tar‑Rapport Annwali.
Stħarriġ dwar id‑Dinamika tal‑Pagi
Fl‑2010, il‑Bank Ċentrali ta’ Malta kkummissjona stħarriġ dwar kumpaniji f’Malta bħala parti mill‑proġett Wage Dynamics Network (WDN). Dan in‑netwerk hu programm ta’ riċerka kollaborattiva fi ħdan l‑Eurosistema. L‑istħarriġ sar tul perjodu ta’ sitt ġimgħat bejn Mejju u Ġunju 2010, u kien maħsub l‑ewwel nett biex jidentifika l‑karatteristiċi ewlenin tal‑imġiba fl‑iffissar tal‑pagi u l‑prezzijiet f’Malta. L‑istħarriġ kopra wkoll il‑flessibbiltà tas‑suq tax‑xogħol, ir‑relazzjoni bejn il‑pagi, l‑ispejjeż u l‑prezzijiet tal‑produzzjoni, u r‑reazzjoni tal‑intrapriżi għal skossi mhux mistennija. L‑informazzjoni statistika tirreferi għall‑2008 bħala s‑sena ta’ referenza, jiġifieri qabel faqqgħet il‑kriżi ekonomika u finanzjarja internazzjonali. Dan l‑istħarriġ hu mistenni li jsir għat‑tieni darba fl‑2014.