Stabbiltà finanzjarja
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta jippubblika l‑Indikaturi aggregati tas‑Solidità Finanzjarja (FSIs). Il‑kunċetti u d‑definizzjonijiet li jappoġġjaw dawn l‑FSIs huma bbażati l‑aktar fuq 'The Financial Soundness Indicators: Compilation Guide (Guide)' u l‑emendi tiegħu kif riflessi fin‑nota 'Amendments to the Financial Soundness Indicators (FSIs): Compilation Guide (Guide)' tal‑FMI. Dawn l‑indikaturi ġew żviluppati mill‑Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) b'reazzjoni għal kriżijiet fis‑suq finanzjarju. L‑għan ewlieni hu li jappoġġjaw l‑analiżi makroprudenzjali u jivvalutaw il‑punti ta' qawwa u ta' dgħufija tas‑sistemi finanzjarji. Deskrizzjoni metodoloġika dettaljata tas‑serje tinsab fil‑website tal‑FMI fejn metadata estensiva tal‑FSI tiġi ppubblikata għall‑pajjiżi kollha li jipparteċipaw.
L‑FSIs ta' Malta jiġu kkumpilati bl‑użu ta' data pprovduta mis-seba' core domestic banks li għandhom rwol sinifikanti fl‑ekonomija, jiġifieri l‑APS Bank Ltd, il‑Banif Bank (Malta) plc, il‑Bank of Valletta plc, l‑HSBC Bank Malta plc, il‑Lombard Bank Malta Ltd, il-Mediterranean Bank plc u l-Mediterranean Corporate Bank Limited (sussidjarju tal‑Mediterranean Bank plc).