Stħarriġ dwar il-Finanzi u l-Konsum tal-Familji
Introduzzjoni għall-istħarriġ
L-Istħarriġ dwar il-Finanzi u l-Konsum tal-Familji (HFCS) qed jiġi kkummissjunat għat‑tieni darba mill‑Bank Ċentrali ta' Malta bħala parti minn proġett taż‑żona tal‑euro kkoordinat mill‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). L‑għan tal‑HFCS hu li jkun rappreżentattiv kemm fuq livell nazzjonali, kif ukoll fuq livell taż‑żona tal‑euro, u ġie mfassal sabiex jiżviluppa profil tal‑familji billi jiġbor informazzjoni dettaljata dwar l‑assi u l‑obbligazzjonijiet tagħhom. L‑HFCS sar l‑ewwel darba f'Malta fl‑2010 biex jiġbor informazzjoni konnessa mal‑2010. B'mod simili, se jsir xogħol ta' riċerka matul l‑2014, biex jirrifletti l‑pożizzjoni tal‑familji fl‑aħħar tal‑2013.
L‑istatistika miġbura fl‑istħarriġ f'Malta tipprovdi tagħrif interessanti dwar il‑karatteristiċi finanzjarji tal‑familji Maltin u l‑mudelli tal‑konsum u t‑tfaddil tagħhom. Din l‑informazzjoni tintuża biss għal analiżi ekonomika u tal‑istatistika, u għal proġetti ta' riċerka tal‑Bank jew għal inizjattivi oħra ta' riċerka tal‑BĊE. Id‑data kollha hi anonima u tiġi meqjusa bħala kunfidenzjali. Barra dan, id‑data tiġi pproċessata skont ir‑rekwiżiti tal‑Att dwar il‑Protezzjoni u l‑Privatezza tad‑Data (Kap. 440).
L‑istruttura tal‑kwestjonarju tikkonsisti mid‑disa' taqsimiet li ġejjin:
- demografija (eż. età, sess, edukazzjoni, nazzjonalità, stat ċivili jew relazzjoni ma' membri oħra tal‑familja);
- pussess ta' assi reali (eż. residenza ewlenija, proprjetà oħra, vetturi u oġġetti prezzjużi tal‑familja, self);
- tipi oħra ta' dejn tal‑familja (eż. self kurrenti, linji ta' kreditu, self fuq kards tal‑kreditu, kirjiet, self għall‑konsum/għall‑ħlas bin‑nifs);
- negozji u assi finanzjarji;
- impjieg;
- dħul;
- intitolamenti futuri tal‑pensjoni (skemi tal‑pensjoni u assigurazzjoni fuq il‑ħajja);
- trasferimenti u donazzjonijiet interġenerazzjonali;
- konsum.
Dawn it‑taqsimiet tal‑kwestjonarju huma maqsuma f'żewġ partijiet ewlenin: parti waħda tiffoka fuq il‑familja kollha kemm hi, u l‑parti l‑oħra tiffoka fuq membri individwali tal‑familja. Il‑parti li tkopri mistoqsijiet fil‑livell tal‑familja tinkludi: assi reali u l‑finanzjament tagħhom, piżijiet oħra, negozji privati, assi finanzjarji, trasferimenti u donazzjonijiet interġenerazzjonali, u konsum/tfaddil. Il‑mistoqsijiet dwar l‑individwi ikopru s‑suġġetti li ġejjin: demografija, impjieg, drittijiet futuri tal‑pensjoni u dħul relatat max‑xogħol.
Din l‑istatistika hi essenzjali għal dawk li jfasslu l‑politika fir‑rigward tal‑inflazzjoni, il‑qgħad, benefiċċji tal‑irtirar, rati tal‑imgħax, tfaddil nazzjonali u oqsma oħra relatati mal‑karatteristiċi finanzjarji tal‑familji. Stħarriġ simili diġà qed isir f'pajjiżi oħra taż‑żona tal‑euro u f'pajjiżi barra ż‑żona tal‑euro. Ir‑riċerka bbażata fuq dan l‑istħarriġ tintuża regolarment bħala referenza fl‑analiżi tal‑politika monetarja u għal skopijiet ta' stabbiltà finanzjarja.
L‑għan tal‑istħarriġ u karatteristiċi nazzjonali
L‑HFCS jipprovdi lill‑Bank u lill‑BĊE b'data fuq livell mikro dwar ix‑xejriet tal‑finanzi u l‑konsum tal‑familji. Din id‑data tagħti tagħrif importanti dwar l‑imġiba ekonomika tal‑familji u r‑reazzjoni tagħhom għal bidliet fil‑politika. Li wieħed ikun jaf kif jistgħu jirreaġixxu l‑familji għal bidliet fil‑politika hu essenzjali, kemm għat‑tmexxija tal‑politika monetarja kif ukoll għal skopijiet ta' stabbiltà finanzjarja. Pereżempju, bidla fir‑rati tal‑imgħax tista' taffettwa d‑deċiżjonijiet tal‑familji dwar it‑tfaddil u l‑konsum, u dawn id‑deċiżjonijiet imbagħad jinfluwenzaw it‑trasmissjoni tal‑politika monetarja fl‑ekonomija kollha kemm hi.
Din l‑informazzjoni tgħaqqad flimkien dettalji tal‑kompożizzjoni tal‑familji, demografija, dħul, assi reali u finanzjarji, djun, konsum, u deċiżjonijiet finanzjarji relatati. L‑HFCS se jippermetti paraguni internazzjonali tal‑istess data, u fl‑istess ħin joħloq stampa komprensiva nazzjonali ta' kull pajjiż. Dan il‑metodu tfassal fuq riċerka internazzjonali preċedenti u fuq l‑aħjar prattika, u jikkontribwixxi biex l‑imġiba finanzjarja tal‑familji tinftiehem aħjar.
Implimentazzjoni nazzjonali tal‑istħarriġ
Dan il‑proġett jirriżulta mill‑parteċipazzjoni tal‑Bank fin‑Network tal‑Finanzi u l‑Konsum tal‑Familji (Household Finance and Consumption Network (HFCN)). Il‑popolazzjoni ta' referenza li għaliha hu maħsub l‑istħarriġ tikkonsisti mill‑familji kollha residenti f'Malta, u l‑għażla tal‑kampjun tal‑familji hi meħuda bil‑polza. Ingħażel kampjun tal‑familji biex jirrappreżenta l‑familji Maltin kollha.
Parteċipazzjoni
L‑istħarriġ jiffoka fuq familji u l‑membri attwali ta' dawn il‑familji li joqogħdu f'Malta. "Familja" hi definita bħala persuna li toqgħod waħedha, jew grupp ta' persuni li joqogħdu flimkien fl‑istess residenza privata u jaqsmu l‑ispejjeż. Jekk il‑persuni li ġejjin iħallsu parti mill‑ispejjeż tar‑residenza, għandhom jitqiesu bħala membri tal‑familja:
- persuni li ssoltu joqogħdu fid‑dar, li jiġu minn membri oħra tal‑familja;
- persuni li ssoltu joqogħdu fid‑dar, li ma jiġux minn membri oħra tal‑familja;
- persuni li ssoltu joqogħdu fid‑dar, iżda huma temporanjament assenti mir‑residenza (għal raġunijiet ta' safar għal skopijiet ta' vaganza, xogħol, edukazzjoni jew raġunijiet simili);
- persuni assenti għal perjodi twal, iżda li għandhom rabtiet mal‑familja; persuni li jaħdmu 'l bogħod mid‑dar;
- persuni temporanjament assenti iżda li għandhom rabtiet mal‑familja; persuni fl‑isptar, fi skejjel residenzjali.
Persuna titqies bħala membru residenti tal‑familja jekk hi/hu t/jqatta' l‑biċċa l‑kbira tal‑iljieli fir‑residenza, f'termini tal‑aħħar sitt xhur. "Temporanjament assenti" tirreferi għal perjodu ta' inqas minn sitt xhur. Persuni li joqogħdu f'residenzi kollettivi u f'istituzzjonijiet (eż. kunventi, djar tal‑anzjani, ħabsijiet) huma esklużi.
Fl‑istħarriġ, kull familja magħżula tirrappreżenta ħafna familji oħra. Minkejja li l‑parteċipazzjoni hi volontarja, hu importanti li kull familja tikkoopera, għaliex il‑parteċipazzjoni hi mezz biex il‑familji magħżula jkunu rappreżentattivi biżżejjed.
Bosta rispondenti se jħossu li diversi mistoqsijiet tal‑istħarriġ huma personali.Madankollu, biex wieħed jifhem liema fatturi jinfluwenzaw id‑deċiżjonijiet finanzjarji tal‑familji Maltin u ta' dawk taż‑żona tal‑euro, hu vitali li l‑Bank isaqsi għadd ta' mistoqsijiet ta' natura finanzjarja.Imbagħad, it‑tweġibiet għal dawn il‑mistoqsijiet jistgħu jintużaw bħala informazzjoni għal dawk li jfasslu l‑politika.
Riżultati ewlenin tal-Istħarriġ tal-2010
Ir-riżultati ewlenin tal-Istħarriġ dwar Finanzi u Konsum tal-Familji li sar f’Malta bejn Ottubru 2010 u Frar 2011 ġew ippubblikati mill-Bank Ċentrali ta’ Malta.
Household finance & consumption survey in Malta: Main results of 2010 exercise (2287kb)
Ir-riżultati tat-tieni Stħarriġ dwar Finanzi u Konsum tal-Familji għandhom jiġu ppubblikati lejn nofs is-sena 2016.
Iżjed informazzjoni hi disponibbli fil-websites li ġejjin:
European Central Bank
Survey on Household Income and Wealth (Italy)
Survey of Household Finances (Spain)
Survey of Consumer Finances (USA)
Il-Kwestjonarju dwar il-Finanzi u l-Konsum tal-Familji:
Questionnaire (1234kb)
Għal iżjed informazzjoni:
Tista’ tikkuntattja lill-Bank Ċentrali ta’ Malta biex tikseb iżjed informazzjoni dwar l-HFCS permezz ta' e-mail.