Bafer dwar ir-Riskju Sistemiku Settorjali
Il-Bafer dwar ir-Riskju Sistemiku ("SyRB") hu għodda makroprudenzjali li toħroġ mill-qafas CRR/CRD. Din, min-naħa tagħha, ġiet trasposta wkoll fid-Direttiva Nru 11 tal-Bank Ċentrali ta' Malta dwar il-Politika Makroprudenzjali. L-SyRB jista' jintuża biex jindirizza kemm riskji li fin-natura tagħhom huma ċikliċi kif ukoll dawk mhux ċikliċi u, fl-istess ħin, ma jiġux indirizzati minn għodod makroprudenzjali oħra inkluż il-Bafer Kontroċikliku tal-Kapital (CCyB) u Bafer ta' Istituzzjoni Oħra Sistemikament Importanti (O-SII). L-SyRB jista' jiġi applikat ukoll għal subsett ta' skoperturi u/jew istituzzjonijiet. Dawn il-karatteristiċi jsaħħu l-flessibbiltà tal-SyRB fl-indirizzar ta' riskji sistemiċi speċifiċi u jtaffu l-potenzjal tagħhom li jkollhom konsegwenzi negattivi serji għas-sistema finanzjarja u l-ekonomija reali fi Stat Membru speċifiku.
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta, f'kollaborazzjoni mal‑Awtorità għas‑Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA), u taħt il-patroċinju tal‑Bord Konġunt dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja (JFSB) iddeċieda li jistabbilixxi Bafer dwar ir-Riskju Sistemiku Settorjali (sSyRB) ta' 1.5% li għandu jiġi applikat fuq l‑ammont ta' assi stmati abbażi tar-riskju miżmum kontra skoperturi ta' self fuq proprjetà lokali għal persuni naturali u ggarantiti minn proprjetà immobbli residenzjali (RRE). L-iskoperturi jinkludu wkoll self buy-to-let (għal skopijiet residenzjali) iggarantit minn RRE, u mogħti lil persuni naturali. L-sSyRB jindirizza r-riskji potenzjali li jirriżultaw mill-konċentrazzjoni dejjem tiżdied tal-iskoperturi tas-settur bankarju Malti għas-self fuq proprjetà. Il-BĊE u l-ESRB ġew infurmati wkoll u l-mudell ta' notifika rilevanti ntbagħat lill-BĊE u lill-ESRB fit-13 ta' Frar u fit-28 ta' Frar, rispettivament.
Dettalji addizzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-bafer, b'mod partikolari, il-kobor u l-għan tal-bafer, l-ambitu u l-applikazzjoni tiegħu, id-dettalji tal-introduzzjoni gradwali u d-data tal-applikazzjoni jinsabu fit-2023 Statement of Decision.