Assi ta' riżerva uffiċjali - Noti dwar il-Metodoloġija
Ir-Riżervi Uffiċjali ta' Malta jirreferu għal dawk l-assi barranin li huma faċilment disponibbli għall-awtoritajiet monetarji (il-Bank Ċentrali ta' Malta) u l-gvern ċentrali u huma kkontrollati minnhom; jintużaw biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' finanzjament tal-bilanċ tal-pagamenti, għal interventi fis-swieq tal-kambju biex jaffettwaw ir-rata tal-kambju tal-munita, u għal skopijiet relatati oħra (bħaż-żamma tal-fiduċja fil-munita u fl-ekonomija, u biex iservu bħala bażi għal self barrani). Din id-definizzjoni hi konformi mal-linji gwida tas-sitt edizzjoni tal-Manwal dwar il-Bilanċ tal-Pagamenti (BPM6) tal-FMI.
Bil-BPM6 ma ġew introdotti ebda bidliet rilevanti fir-rigward ta' tranżazzjonijiet bl-assi ta' riżerva. Madankollu, ġew introdotti xi kjarifiki fir-rigward tat-trattament ta' kontijiet f'deheb. Il-bidla ewlenija hi t-taqsim bejn kontijiet f'deheb allokati u mhux allokati (jiġifieri deheb fiżiku vs kontijiet f'deheb). Fil-BPM6, id-deheb monetarju jikkonsisti minn ingotti tad-deheb u kontijiet f'deheb mhux allokati, miżmuma ma' individwi/entitajiet mhux residenti, u li jagħtu d-dritt għall-kunsinna ta' deheb.
Sa mill‑2008, it‑terminu 'assi ta' riżerva uffiċjali' jikkorrispondi mad‑definizzjoni ta' riżervi tal‑Eurosistema li teskludi investimenti denominati f'euro u/jew vis‑à‑vis residenti taż‑żona tal‑euro.
Tali informazzjoni għandha tiġi ttrattata bħala proviżorja. Reviżjonijiet għat-tali dejta huma disponibbli fil‑ġabra ta' tagħrif dwar ir‑Riżervi Internazzjonali li tiġi aġġornata sal‑aħħar tax‑xahar wara d‑data ta' referenza.