Faċilitajiet permanenti
Il‑faċilitajiet permanenti jipprovdu u jassorbu l‑likwidità minn jum għall‑ieħor, jindikaw l‑orjentament ġenerali tal‑politika monetarja, u jiffissaw ir‑rati tal‑imgħax tas‑suq minn jum għall‑ieħor. Hemm żewġ faċilitajiet permanenti li l‑istituzzjonijiet ta’ kreditu jistgħu jużaw fuq inizjattiva tagħhom stess.
- Il‑faċilità tas‑self marġinali hi disponibbli għal istituzzjonijiet ta’ kreditu biex jakkwistaw likwidità minn jum għall‑ieħor kontra garanzija. Ir‑rata tal‑imgħax fuq il‑faċilità tas‑self marġinali normalment tipprovdi limitu massimu għar‑rata tal‑imgħax tas‑suq minn jum għall‑ieħor.
- Il‑faċilità tad‑depożitu hi disponibbli għal istituzzjonijiet ta’ kreditu biex jagħmlu depożiti minn jum għall‑ieħor. Ir‑rata tal‑imgħax fuq il‑faċilità tad‑depożitu normalment tipprovdi limitu minimu għar‑rata tal‑imgħax tas‑suq minn jum għall‑ieħor.