Operazzjonijiet tas-suq miftuħ
L-operazzjonijiet tas-suq miftuħ għandhom rwol importanti għad-direzzjoni li jagħtu lir-rati tal-imgħax; jimmaniġġaw is‑sitwazzjoni tal-likwidità fis-suq, u jindikaw l-orjentament tal-politika monetarja. Dawn jinbdew mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u jitwettqu kontra garanzija. Hemm erba’ tipi ta’ operazzjonijiet tas-suq miftuħ, li huma differenti f’termini ta’ għan, regolarità u proċedura.
- L‑operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament (MROs) isiru kull ġimgħa u għandhom maturità ta' ġimgħa. Normalment jiġu esegwiti mill‑banek ċentrali nazzjonali permezz ta' offerti u skont kalendarju speċifikat minn qabel. Fi żminijiet normali, dawn l‑operazzjonijiet jipprovdu l‑biċċa l‑kbira tal‑likwidità għas‑settur finanzjarju u għandhom rwol kruċjali biex jintlaħqu l‑għanijiet tal‑operazzjonijiet tas‑suq miftuħ tal‑Eurosistema. F'Ottubru 2008 l‑BĊE introduċa sistema ta' allokament sħiħ li permezz tagħha l‑offerti kollha mressqa taħt din il‑faċilità ntlaqgħu b'rata fissa mħabbra minnu.
- Operazzjonijiet ta' rifinanzjament fuq żmien itwal (LTROs) isiru kull xahar u għandhom maturità ta' tliet xhur. L‑għan tagħhom hu li jiġi pprovdut rifinanzjament addizzjonali fuq żmien itwal għall‑kontropartijiet. L‑LTROs jiġu esegwiti wkoll b'intervalli irregolari jew b'maturitajiet oħra jekk dan ikun iġġustifikat minn ċirkostanzi eċċezzjonali. Tabilħaqq, f'dawn l‑aħħar snin, il‑BĊE għamel għadd ta' LTROs b'maturitajiet ta' iżjed minn tliet xhur u applika l‑proċedura tal‑allokament sħiħ. L‑LTROs kollha jitwettqu mill‑banek ċentrali nazzjonali abbażi ta' offerti standard u skont kalendarju speċifikat minn qabel. Dawn l‑operazzjonijiet kienu ta' importanza partikolari waqt il‑kriżi finanzjarja globali li faqqgħet lejn l‑aħħar tal‑2007.
- L‑operazzjonijiet ta' aġġustament jistgħu jsiru abbażi ad hoc biex iwittu l‑effetti fuq ir‑rati tal‑imgħax ikkawżati minn fluttwazzjonijiet mhux mistennija fil‑likwidità.
- L‑operazzjonijiet strutturali jistgħu jsiru kull meta l‑BĊE jixtieq jagħmel aġġustament fil‑pożizzjoni tal‑likwidità tal‑Eurosistema vis‑à‑vis is‑settur finanzjarju.