Bills tat-Teżor ta’ Malta
Permezz tal‑Uffiċċju tat‑Titoli tal‑Gvern, il‑Bank Ċentrali ta' Malta jaġixxi wkoll bħala market maker għall‑bills tat‑Teżor tal‑Gvern ta' Malta fis‑suq sekondarju domestiku. Sal-5 ta' Ottubru 2014, il‑prezzijiet tal‑offerti għax‑xiri, tal‑offerti għall‑bejgħ u tar‑redditi ta' kuljum ġew ppubblikati għall‑bills kollha tat‑Teżor fiċ‑ċirkolazzjoni abbażi tal‑valur tal‑istess jum (T+0), fir‑rigward ta' transazzjonijiet innegozjati fil‑Borża, li għalihom il‑pagament isir permezz tat‑TBClear tal‑MSE, u abbażi tal‑valur ta' jum wieħed (T+1) għal transazzjonijiet li jsiru abbażi ta' Free of Payment (FOP) (Bla Ħlas) permezz tal‑paġna tan‑negozju OTC fuq is‑sistema tan‑negozju Xetra.
Wara li l-bażi ta' pagament sar T+2 minn T+0 mis-6 ta' Ottubru 2014, il-Bank beda jippubblika l-prezzijiet tal-offerti għax‑xiri, tal-offerti għall-bejgħ u tar-redditi ta' kuljum abbażi ta' pagament T+2 li jiġu kkwotati matul is-Sessjoni ta' Negozjar tal‑Bills tat-Teżor fuq is-Suq Regolari. Peress li l-Bank hu lest li jinnegozja f'bills tat-Teżor fuq is-suq barra l‑Borża abbażi ta' FOP, (pagament barra t-TBClear), għandu jikkwota l-prezzijiet u r-redditi tal-bills tat-Teżor abbażi ta' pagament T+1 meta jkunu mitluba (għalkemm jeżisti l-limitu fin-negozjar).
Dawn il‑bills jistgħu jinħarġu għal perjodu ta' xahar, tliet xhur, sitt xhur, disa' xhur u sena. Il‑Bank jirriżerva d‑dritt li jirrevedi l‑prezz tiegħu għall‑offerta għax‑xiri fir‑rigward ta' ammonti li jitqiesu bħala ogħla mil‑livelli normali. Il‑Bank ma jinnegozjax bills tat‑Teżor li jkun baqgħalhom inqas minn ħamest ijiem tax‑xogħol sal‑maturità.
Il‑prezzijiet u r‑redditi ta' kuljum jiġu ppubblikati fis‑sit elettroniku tal‑Bank, Reuters, Bloomberg u l‑gazzetti lokali.
Qabel l‑1 ta' April 2007, il‑bills tat‑Teżor tal‑Gvern ta' Malta kien għadhom f'għamla ta' ċertifikat u kienu jiġu nnegozjati OTC (barra mill‑Borża organizzata). Mill‑1 ta' April 2007, il‑bills tat‑Teżor tal‑Gvern ta' Malta ġew dematerjalizzati u setgħu jiġu rreġistrati u nnegozjati fl‑MSE. Qabel id‑data tad‑dematerjalizzazzjoni, ir‑redditi tal‑bills tat‑Teżor kienu jiġu kkalkulati fuq bażi Attwali/365 jum. Mill‑1 ta' April 2007, dawn ir‑redditi bdew jiġu kkalkulati fuq bażi Attwali/360 jum.
Treasury Bills Auction Results - Treasury Department