Titoli tal-Gvern ta’ Malta
Sal‑1991, ir‑rwol tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta bħala market maker kien jitwettaq abbażi ta’ transazzjonijiet barra mill‑borża organizzata (OTC). F’Jannar 1992, meta bdiet topera l‑Borża ta’ Malta, il‑Bank ħatar is‑sensar finanzjarju tiegħu biex jinnegozja titoli tal‑Gvern fil‑Borża skont it‑Taqsima 3(1) tal‑Istatut tal‑Borża ta’ Malta (MSE). Għaldaqstant, il‑Bank Ċentrali ta’ Malta, permezz tal‑Uffiċċju tat‑Titoli tal‑Gvern, iwettaq id‑dmirijiet tiegħu skont it‑Taqsima 3 (sotto‑klawsoli 3.00.06 ‑ 3.00.08) tar‑Regolamenti tal‑MSE.
Fid‑9 ta’ Lulju 2012, l‑MSE nidiet il‑pjattaforma l‑ġdida għan‑negozju, imsejħa Xetra (Negozju Elettroniku tal‑Borża), li ħadet post il‑Malta Automated Trading System (MATS ‑ is‑Sistema Awtomatizzata ta’ Negozju ta' Malta) li fuqha kienu jiġu nnegozjati t‑titoli kollha rreġistrati fil‑Borża. Xetra hi pjattaforma ewlenija għan‑negozju fl‑Ewropa, imħaddma mill‑Grupp Deutsche Börse. Sal-5 ta' Ottubru, iċ-ċiklu ta' pagamenti għat‑titoli kollha mniżżla fuq l-MSE fis-Suq Regolari ġie mwettaq fuq bażi (T+3). Wara l-migrazzjoni lejn ċiklu ta' pagament T+2 imnedija fis-6 ta' Ottubru 2014, in‑negozjar fit‑titoli kollha mniżżla fuq l-MSE jitwettaq abbażi ta' ċiklu ta' pagament T+2. L‑Uffiċċju tat‑Titoli tal‑Gvern jippubblika l‑prezzijiet tal‑offerti għax‑xiri, tal‑offerti għall‑bejgħ u tar‑redditi ta’ kuljum għal kull bond fiċ‑ċirkolazzjoni maħruġ mill‑Gvern ta’ Malta abbażi ta' pagament T+2, wara l-azzjoni meħuda mill-MSE flimkien mal-biċċa l-kbira tas‑swieq Ewropej. Il‑maturità ta’ dawn il‑bonds (fid‑data tal‑ħruġ) tvarja minn 5 sa 25 sena. Tradizzjonalment, it‑tendenza dejjem kienet li min jinvesti f'titoli tal‑Gvern ta’ Malta jippreferixxi jżomm dawn it‑titoli sal‑maturità. Jekk il‑pubbliku joffri titoli għall‑bejgħ, il‑politika tal‑Bank hi li jħalli biżżejjed żmien jgħaddi biex dawn jinxtraw fis‑suq qabel ma jintervjeni. Jekk il‑Bank ma jkollux ammonti sinifikanti ta’ titoli partikolari fis‑suq sekondarju, il‑Bank ma jikkwotax prezzijiet indikattivi tal‑offerti għall‑bejgħ għal dawn it‑titoli.
Filgħodu, l‑Uffiċċju tat‑Titoli tal‑Gvern jippubblika l‑prezzijiet indikattivi tal‑offerti għax‑xiri u l‑offerti għall‑bejgħ li bihom il‑Bank ikun lest jixtri jew ibigħ ammonti raġonevoli. Wara l‑għeluq tan‑negozju fl‑MSE, l‑Uffiċċju tat‑Titoli tal‑Gvern jippubblika l‑prezzijiet tal‑għeluq tal‑offerti għax‑xiri u l‑offerti għall‑bejgħ li bihom il‑Bank ikun attwalment innegozja dakinhar, jew il‑prezz li bih kien lest jixtri jew ibigħ ammonti raġonevoli. Il‑Bank mhux obbligat jikkwota l‑prezzijiet indikattivi ppubblikati waqt is‑sessjoni tan‑negozju billi dawn huma soġġetti għal reviżjoni regolari b’reazzjoni għal tibdil fil‑prezzijiet innegozjati minn sensara finanzjarji privati oħra. Il‑Bank iqis ukoll ix‑xejriet bażiċi tas‑sentiment tas‑suq, jiġifieri jirriżerva d‑dritt li jirrevedi l‑prezzijiet matul is‑sessjoni tan‑negozju fid‑dawl tat‑tibdil fil‑kundizzjonijiet tas‑suq. Minbarra l‑prezzijiet indikattivi tal‑offerti għax‑xiri u l‑offerti għall‑bejgħ għal kull titolu fiċ‑ċirkolazzjoni maħruġ mill‑Gvern ta’ Malta (MGS), l‑Uffiċċju tat‑Titoli tal‑Gvern jippubblika wkoll ir‑redditi relattivi sal‑maturità. Sal‑2003, ir‑redditi kienu jiġu kkalkulati skont il‑konvenzjoni Attwali/365 jum. Wara, ir‑redditi bdew jiġu kkalkulati fuq bażi Attwali/Attwali. Billi l‑imgħax fuq il‑MGS jitħallas kull sitt xhur, ir‑redditu sal‑maturità ma jistax jitqabbel eżattament ma’ dak ta’ bonds oħra li l‑imgħax tagħhom jitħallas darba fis‑sena. Għalhekk, l‑Uffiċċju tat‑Titoli tal‑Gvern jippubblika wkoll ir‑rata tal‑fidi korrispondenti tal‑Assoċjazzjoni tas‑Swieq Internazzjonali tat‑Titoli (ISMA) li tirrappreżenta annwalizzazzjoni tar‑redditi sal‑maturità biex ir‑redditu tal‑bonds tal‑Gvern ta’ Malta jkun jista’ jitqabbel ma’ dak ta’ bonds li l‑imgħax tagħhom jitħallas fuq bażi annwali.
Il‑prezzijiet tal‑offerti għax‑xiri, tal‑offerti għall‑bejgħ u tar‑redditi ta’ kuljum jiġu ppubblikati fis‑sit elettroniku tal‑Bank, Reuters, Bloomberg u l‑gazzetti lokali.