About Us

Il-bini prinċipali

Il‑Bini Prinċipali

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta jinsab fuq is‑Sur ta' San Ġakbu, li hu wieħed mill‑ogħla postijiet tal‑Belt Valletta. Is‑sur, li beda jinbena fl‑1566, hu parti mill‑fortifikazzjonijiet tal‑Belt Valletta fuq in‑naħa tal‑art, li kienu pproġettati minn Francesco Laparelli. Sas‑snin 60 tas‑seklu dsatax, in‑naħa tal‑art tal‑Belt Valletta kienet għadha meqjusa parti importanti tad‑difiża tal‑belt. Madankollu, fis‑snin 70 tas‑seklu dsatax l‑importanza tagħha bdiet tonqos minħabba l‑iżviluppi fl‑artillerija.

Sa dak iż‑żmien, il‑medda art ċatta u miftuħa tas‑Sur ta' San Ġakbu kienet waħda mill‑ftit żoni mhux mibnija tal‑Belt Valletta. X'aktarx li dan influwenza l‑għażla tas‑sit fl‑1872 meta l‑awtoritajiet militari Britanniċi ddeċidew li jibnu ġinnasju għat‑truppi stazzjonati fil‑Belt Valletta u l‑Furjana. Il‑Valletta Military Gymnasium tlesta f'Marzu tal‑1873.

The Vernon United Services Club, some time after its inauguration in 1924

Il-Vernon United Services Club, wara l-inawgurazzjoni tiegħu fl-1924

Ftit ftit, il‑ġinnasju beda jaqdi l‑irwol sekondarju bħala sala tal‑muniċipju fejn l‑uffiċjali għolja tal‑gwarniġjon Britanniku spiss kienu jorganizzaw attivitajiet soċjali. Il‑ġinnasju żamm il‑funzjoni tiegħu sa ma faqqgħet l‑Ewwel Gwerra Dinjija.

Il‑gwerra ġiebet lejn Malta għadd kbir ta' suldati midruba u morda wara l‑kampanja ta' Gallipoli tal‑1915. Qamet il‑kwestjoni tal‑provvista ta' divertiment għal dawn it‑truppi, u kien f'dan iż‑żmien li l‑Valletta Gymnasium inbidel f'istitut għas‑suldati u l‑baħrin.

Xi snin wara, legat maħsub biex jintuża għall‑benefiċċju tas‑suldati u l‑baħrin stazzjonati f'Malta, li kien tħalla mit‑8 Baruni Vernon li miet f'Malta matul il‑gwerra, ipprovda l‑fondi għall‑bini tal‑Vernon United Services Club fuq is‑sit ta' dak li qabel kien il‑ġinnasju. Il‑Vernon Club ġie inawgurat formalment fl‑1924. Baqa' klabb soċjali tas‑servizzi sal‑1967 meta ngħata bidu għal negozjati biex jiġi trasferit lill‑Gvern Malti.  

A post-war picture of Valletta Main Gate with the Vernon Club in the background

Il-Bieb Prinċipali tal-Belt Valletta wara lgwerra, bilVernon Club fl-isfond

F'Novembru 1967, meta n‑negozjati kienu kważi konklużi, sar ftehim biex id‑dar tal‑Maniġer tal‑Vernon Club, li kienet tinsab fuq in‑naħa ta' wara tal‑Club, tiġi trasferita lill‑Gvern ta' Malta. Dan il‑bini ntuża bħala sit temporanju għall‑Bank Ċentrali ta' Malta sa ma l‑Vernon Club għadda formalment għand il‑Gvern Malti fil‑5 ta' April 1968, qabel ma għadda għand il‑Bank Ċentrali ta' Malta fl‑1 ta' Lulju 1968, b'kirja ta' 99 sena.

Il‑Bank iddeċieda li jżomm l‑istruttura esterna tal‑Vernon Club u li jerġa' jibni l‑parti interna biex taqdi l‑ħtiġijiet tal‑istituzzjoni l‑ġdida. Il‑bini ristrutturat, din id‑darba l‑akkomodazzjoni tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, ġie inawgurat fit‑13 ta' Frar 1971.

The Vernon Club

Il-Vernon Club

The inside of the Vernon Club was demolished leaving just the outer walls

Il-Vernon Club twaqqa' kollu minn ġewwa u tħallew biss il-ħitan ta' barra

F'Settembru 2004, il‑Bank fetaħ negozjati mal‑Gvern ta' Malta għax‑xiri tal‑bini prinċipali tiegħu fi Pjazza Kastilja u ta' dik li qabel kienet id‑dar tal‑Maniġer tal‑Vernon Club fi Triq Papa Piju V. Sal‑aħħar tas‑sena l‑kuntratt tal‑bejgħ kien lest u l‑proprjetà taż‑żewġ binjiet ġiet trasferita.

The Central Bank of Malta

Il-Bank Ċentrali ta' Malta
Sors: Cassar Kevin, The Central Bank of Malta: The Building and its History, 2008

Il‑Counterguard ta' San Ġakbu

Sas‑snin 30 tas‑seklu sbatax kien magħruf sew li d‑difiża tal‑Belt Valletta fuq in‑naħa tal‑art ma baqgħetx adegwata biex tirreżisti attakk persistenti għal perjodu twil ta' żmien. Pietro Paolo Floriani, inġinier militari, issottometta pjan għall‑bini ta' perimetru difensiv ġdid barra l‑Belt Valletta. Dan il‑proġett ġie approvat mill‑Ordni ta' San Ġwann f'Diċembru 1635. 

St James's Ditch 1856   Courtesy of Fondazzjoni Patrimonju Malti - Windsor Collection

Il-Foss ta' San Ġakbu 1856   
Ħajr lill-Fondazzjoni Patrimonju Malti - Windsor Collection

Fl‑1639, l‑Ordni bdiet tinkwieta dwar il‑progress u l‑possibbiltà li jitkompla l‑pjan ta' Floriani. Għalhekk, intalab il‑parir ta' Giovanni de Medici, il‑Markiż S. Angelo, inġinier militari rispettat. Hu ppropona soluzzjoni irħas mill‑pjan ta' Floriani, li kienet tikkonsisti mill‑bini ta' erba' ħitan ta' difiża madwar is‑sur imsejħa counterguards.

Giovanni de Medici wasal Malta fil‑15 ta' Frar 1640. L‑Ordni ddeċidiet li tibda x‑xogħol fuq l‑erba' counterguards. Għalkemm ix‑xogħol fuq il‑pjan ta' Floriani baqa' għaddej, ingħatat prijorità lill‑bini tal‑counterguards quddiem il‑Belt Valletta. Dawn il‑fortifikazzjonijiet tlestew sal‑1645.

Billi l‑funzjonijiet tal‑Bank żdiedu tul is‑snin, inħass li l‑bini fuq is‑Sur ta' San Ġakbu ma baqax adegwat. Għalhekk, il‑Bank akkwista proprjetà fil‑Counterguard ta' San Ġakbu, li tinsab fuq in‑naħa l‑oħra tal‑foss prinċipali tal‑Belt Valletta taħt is‑Sur ta' San Ġakbu.

L‑idea tal‑bini ta' anness għall‑Bank Ċentrali ta' Malta fil‑Counterguard ta' San Ġakbu feġġgħet lejn tmiem l‑1987. Proposti għal bini bħal dan tressqu mill‑magħruf perit Malti, il‑Professur Richard England, f'Jannar 1988. Saret enfasi qawwija fuq l‑armonija tal‑istruttura l‑ġdida mal‑bixra storika tas‑sit.  Il‑proposti kienu jinvolvu l‑kostruzzjoni ta' bini modern li ma jippreġudikax il‑valuri estetiċi esterni tas‑sur storiku. Biex jintlaħaq dan il‑għan, il‑parti interna tas‑sur kellha tiġi skavata biex jinħoloq spazju għall‑bini. Ix‑xogħlijiet ta' kostruzzjoni bdew f'Awwissu 1990, u għall‑ewwel darba f'iżjed minn 400 sena, il‑ħitan tas‑sur inkixfu min‑naħa ta' ġewwa u deher li kienu mxaqilbin 'il ġewwa - fatt li qabel ma kienx magħruf. Il‑bini l‑ġdid, issa magħruf bl‑isem familjari ta' "Anness", konness mal‑bini oriġinali permezz ta' pont storiku mibni fuq foss wiesa' fil‑fortifikazzjonijiet tal‑Belt Valletta, ġie inawgurat uffiċjalment fit‑18 ta' April 1993, l‑istess data tal‑25 anniversarju tat‑twaqqif tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Central Bank

Il‑Polverista

Maġenb l‑Anness fil‑Counterguard ta' San Ġakbu hemm polverista (maħżen tal‑porvli) li nbniet mill‑Kavallieri ta' Malta fl‑1640 bħala parti mill‑fortifikazzjonijiet. Fl‑1859, inbniet mill‑ġdid biex tkun tista' tesa' iżjed btieti ta' porvli, b'kollox total ta' 450.

The Polverista

Il‑polverista għandha struttura sempliċi u modesta, u ġiet mibnija kollha kemm hi bil‑ġebla tal‑franka mingħajr ebda kwalitajiet arkitettoniċi speċjali. Kienet inbniet għal għan speċifiku u d‑dehra ta' barra tagħha, is‑solidità u l‑post fejn tinsab, fil‑qalba tal‑fortifikazzjonijiet tan‑naħa tal‑art tal‑Belt Valletta, kienu xhieda tal‑funzjonalità tagħha bħala bini purament militari.

Karatteristika komuni tal‑biċċa l‑kbira tal‑imħażen tal‑porvli fil‑fortifikazzjonijiet tal‑port tal‑Belt Valletta, u ta' postijiet oħra f'Malta, hi s‑saqaf imxaqleb fuq barra u saqaf semiċirkolari jew segmentali fuq ġewwa. Il‑ħitan għandhom ħxuna ta' 2.3 metri, u nbnew hekk biex ikunu jifilħu għall‑pressjoni laterali tas‑saqaf semiċirkolari u biex tiġi żgurata temperatura stabbli. Barra dan, kien hemm sistema ta' ventilazzjoni, għal kundizzjonijiet ta' temp kemm sħun kif ukoll kiesaħ, li fuq barra tinkorpora xquq magħżula bil‑galbu f'livelli kemm għoljin kif ukoll baxxi, li mbagħad jiġu konnessi ma' xquq simili fl‑istess livelli fuq ġewwa.

Bieb żgħir jagħti aċċess għall‑polverista, u dan iwassal għal intrata maħsuba biex isservi bħala buffer jew żona ta' sigurtà. Imbagħad hemm żewġ kmamar żgħar konnnessi ma' xulxin li kienu jintużaw mis‑suldati biex ibiddlu ħwejjiġhom qabel ma jidħlu fil‑maħżen proprju.

Il‑polverista (elenkata mill‑MEPA bħala Bini Protett tal‑Grad 1) ġiet restawrata mill‑Bank Ċentrali ta' Malta għall‑istat oriġinali tagħha, u x‑xogħlijiet tar‑restawr intemmu fl‑2007. Il-Bank issa juża dan il-bini primarjament biex jospita l‑Victor Pasmore Gallery