Opportunitajiet għal karriera
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta joffri opportunitajiet eċċellenti għal karriera f'diversi dixxiplini bħall‑ekonomija, l‑istatistika, il‑finanzi, it‑teżor, it‑teknoloġija tal‑informatika, ir‑riżorsi umani, l-accountancy u l‑verifika interna. Il‑postijiet jistgħu jkunu fuq livell bażiku, jew f'livelli ta' gradwati u livelli professjonali, skont il‑ħtiġijiet tal‑Bank.
Il‑postijiet jippreżentaw sfida u jagħtu sodisfazzjon. Teżisti wkoll opportunità eċċellenti għal żvilupp personali u professjonali għall-impjegati li jkollhom l-opportunita li jattendu għal programmi ta' taħriġ speċjalizzat.
Il‑Bank joffri pakkett interessanti ta' kumpens ġenerali kif ġej:
- salarji kompetittivi abbażi ta' sistema ta' paga relatata mal‑prestazzjoni;
- avvanz fil‑karriera abbażi tal‑mertu;
- benefiċċji applikabbli għal impjegati fi ħdan is‑settur bankarju, bħal pereżempju self issussidjat għal xiri ta' dar;
- assistenza f'termini ta' ħin u flus għal opportunitajiet ta' żvilupp personali fil‑gradi ta' Baċellerat, Master u Dottorat.
Benefiċċji oħra jinkludu:
- ambjent tax‑xogħol eċċellenti;
- parteċipazzjoni f'laqgħat barra minn Malta organizzati mis‑Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali, mill‑Eurosistema u minn istituzzjonijiet oħra;
- miżuri favur il‑familja;
- tingħata assistenza kunfidenzjali u professjonali lil dawk l‑impjegati li jeħtieġu għajnuna permezz tal‑Programm tal‑Bank ta' Assistenza għall‑Impjegati;
- parteċipazzjoni fil‑Programm ta' Appoġġ għall‑Organizzazzjoni u l‑Istaff li jippromwovi l‑benesseri mentali tal‑istaff;
- assigurazzjoni fuq is-saħħa għall-impjegati u d-dipendenti tagħhom;
- benefiċċji fir‑rigward ta' mewt waqt is‑servizz;
- parteċipazzjoni fl‑Iskema tal‑Bank ta' Assigurazzjoni fuq il‑Ħajja u f'każ ta' Aċċident;
- sussidju ta' sottoskrizzjoni ta' sħubija f'korpi professjonali.
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta jorganizza wkoll attivitajiet sportivi u soċjali.