Litteriżmu Finanzjarju

X'inhuma l-Flus?

F'dan l-artiklu ser nesploraw it-tifsira tal-flus, il-forom differenti tagħhom, kif jinħolqu, u l-irwol tal-banek ċentrali fil-proċess.

Nibdew b'mistoqsija bażika:

X'INHUMA L-FLUS?

Il-flus għandhom tliet karatteristiċi ewlenin:

  1. Huma sistema li tippermettilek tixtri u tbigħ oġġetti u servizzi faċilment,
  2. Jipprovdu kejl komuni ta' valur, li jippermetti li jitqabblu l-prezzijiet,
  3. Jaġixxu bħala ħażna ta' valur, li tippermetti l-infiq issa jew fil-futur.   

FOROM TA' FLUS

Il-flus ħadu ħafna forom matul l-istorja.

Illum il-flus jieħdu l-forma ta' muniti, karti tal-flus, kards tal-plastik u formati elettroniċi. Filwaqt li l-flus kontanti għadhom jintużaw b'mod wiesa', il-flus miżmuma f'forma elettronika f'depożiti ma' banek kummerċjali huma aktar importanti fl-ekonomiji moderni. Il-banek kummerċjali jżommu wkoll flus fil-forma ta' bilanċi elettroniċi mal-banek ċentrali. Il-flus jistgħu jinżammu wkoll fuq kards jew diġitalment, pereżempju fuq apps tal-mowbajl.

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) qiegħed jiżviluppa euro diġitali biex jikkomplimenta l-karti tal-flus u l-muniti tal-euro. Ladarba jitnieda, dan għandu jiżgura li l-flus tal-bank ċentrali jibqgħu rilevanti fit-tranżazzjonijiet kollha - kemm jekk fiżikament, fil-ħwienet, online jew offline.

KIF JINĦOLQU L-FLUS?

Il-flus jinħolqu b'żewġ modi ewlenin: mill-banek ċentrali u mill-banek kummerċjali.

Il-banek ċentrali joħolqu l-flus tal-bank ċentrali. Jistampaw il-karti tal-flus u l-muniti. Joħolqu wkoll riżervi elettroniċi għall-banek kummerċjali, permezz ta' operazzjonijiet monetarji jew xiri ta' assi. Il-flus tal-bank ċentrali huma l-aktar forma sikura għax ma jġorru l-ebda riskju marbut mas-self. Dan b'kuntrarju tal-flus maħluqa minn emittenti oħra.

Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-flus li jintużaw jinħolqu mill-banek kummerċjali. Meta bank jagħti self lill-klijent tiegħu, il-bank jikkredita l-kont tal-klijent, u b'hekk joħloq il-flus. Il-kapaċità li d-depożiti tal-banek kummerċjali jiġu kkonvertiti fi flus tal-bank ċentrali tagħti lill-pubbliku l-fiduċja li jżommhom u tiżgura li l-pagamenti jistgħu jsiru bla xkiel.

L-IRWOL TAL-BANK ĊENTRALI FIL-ĦOLQIEN U L-PROVVISTA TAL-FLUS

Għalkemm il-biċċa l-kbira tal-flus fil-kontijiet bankarji jiġu mill-attivitajiet tal-banek privati, il-banek ċentrali għandhom rwol ewlieni fil-ħolqien u l-provvista tal-flus u, aktar importanti minn hekk, fiż-żamma tal-valur tagħhom maż-żmien.

L-għan ewlieni tal-banek ċentrali fl-ekonomiji moderni huwa li jżommu l-istabbiltà fil-prezzijiet. Fl‑Eurosistema, l‑istabbiltà tal‑prezzijiet hija definita bħala żieda ta' 2% sena fuq sena fil‑livell ġenerali tal‑prezzijiet. Biex jintlaħaq dan il-għan, il-BĊE jistabbilixxi r-rati tal-imgħax u juża għodod oħra biex jinfluwenza l-ispiża tal-flus u d-domanda għall-prodotti u s-servizzi.

Rati ogħla tal-imgħax jinkoraġġixxu t-tfaddil, inaqqsu d-domanda u jagħmlu pressjoni 'l isfel fuq il-prezzijiet. Wisq flus, jew rati baxxi ta' imgħax, jistgħu jagħtu spinta lid-domanda, jgħollu l-inflazzjoni u jnaqqsu l-valur tal-flus maż-żmien.

Il-banek ċentrali jużaw ir-rati tal-imgħax u għodod oħra bħala lieva biex jidderieġu l-inflazzjoni lejn il-mira tagħhom. Huma jirregolaw u jissorveljaw l-infrastruttura li tintuża biex jitmexxew il-flus fl-ekonomija.

Huma jikkollaboraw ukoll ma' awtoritajiet oħra u ma' istituzzjonijiet li jimmaniġġjaw il-flus kontanti biex jiżguraw li l-karti tal-flus u l-muniti fiċ-ċirkolazzjoni jkunu ġenwini, f'kundizzjoni tajba u suffiċjenti biex jissodisfaw id-domanda. 

KONKLUŻJONI

Il-flus huma aktar mill-flus kontanti fil-kartiera tiegħek

Il-flus jagħmlu parti minn sistema kumplessa. Hemm tipi differenti ta' flus, maħluqa b'diversi modi, u appoġġjata mill-banek ċentrali biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jħallsu b'fiduċja u b'effiċjenza.

Money