News - Stqarrijiet għall-Istampa 2016
02/12/2016
Pubblikazzjoni tar-Rapport Interim dwar l-Istabbiltà Finanzjarja 2016
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika r‑Rapport Interim dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja 2016, li jkopri l‑iżviluppi fis‑settur bankarju, dak tal‑assigurazzjoni u tal‑fondi ta' investiment, b'referenzi għall‑isfond ekonomiku li fih operaw dawn l‑istituzzjonijiet matul l‑ewwel sitt xhur tal‑2016. Ir‑Rapport jinkludi wkoll id‑deċiżjonijiet ewlenin regolatorji u dawk relatati mal‑politika addottati mill‑Awtorità Makroprudenzjali, li jikkonċernaw saffi addizzjonali ta' kapital sabiex jilqgħu għaċ‑ċiklu ekonomiku fil‑pajjiż u għal dawk il‑banek li għandhom importanza sistemika għas‑settur finanzjarju f'Malta, u r‑reċiproċità għal miżuri ta' dan it‑tip meħuda minn ġurisdizzjonijiet oħra.
Sa mill‑pubblikazzjoni tar‑Rapport dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja għall‑2015, ma ġewx innutati riskji ġodda, filwaqt li dawk relatati ma' riskju marbut ma' self u wkoll espożizzjonijiet lejn il‑gvern Malti komplew jonqsu hekk kif is‑self fejn il‑ħlas qiegħed b'lura (non‑performing loans, NPLs) kompla jonqos. Barra minn hekk, aġenziji tar‑rating tal‑kreditu għollew ir‑rating tal‑kreditu tal‑gvern Malti. Fl‑ewwel nofs tas‑sena, ir‑riskji għall‑istabbiltà finanzjarja baqgħu baxxi, bi prospetti pożittivi għat‑tieni nofs tas‑sena.
L‑ekonomija globali kompliet tiffaċċja sfidi, bl‑irkupru ekonomiku fiż‑żona tal‑euro jibqa' moderat u b'xejriet diverġenti bejn l‑Istati Membri. Dan ġie effettwat ukoll mill‑inċertezza ġġenerata mir‑riżultat tar‑referendum fir‑Renju Unit dwar is‑sħubija fl‑UE. L‑ekonomija Maltija kompliet turi reżiljenza fil‑kuntest ta' dan ix‑xenarju internazzjonali ta' sfida u kompliet turi tkabbir ekonomiku aktar b'saħħtu mill‑biċċa l‑kbira tal‑pajjiżi fiż‑żona tal‑euro, li kompla jsostni s‑sistema finanzjarja domestika.
Il‑core domestic banks irrapportaw aktar tkabbir fil‑balance sheet tagħhom, imsaħħa mill‑influss sostnut ta' depożiti tal‑klijenti residenti f'Malta. It‑tkabbir tas‑self baqa' mrażżan, bis‑self għax‑xiri tad‑djar kompla jkun ta' stimolu ewlieni għat‑tkabbir tas‑self minn residenti f'Malta minkejja li r‑rata tat‑tkabbir naqset xi ftit, filwaqt li s‑self lil kumpaniji mhux finanzjarji (NFCs) kompla jonqos, għalkemm wera sinjali ta' bidu ta' rkuprar. Kompliet ix‑xejra ta' tnaqqis fl‑NPLs, sostnuta minn titjib fis‑saħħa finanzjarja tal‑NFCs wara tkabbir ekonomiku b'saħħtu akkumpanjat minn żieda qawwija fl‑impjiegi. Ir‑reżiljenza tal‑core domestic banks ġiet sostnuta permezz ta' livelli ogħla ta' provvedimenti u prattiċi prudenti ta' self. Il‑profittabbiltà tal‑core domestic banks baqgħet b'saħħitha u kompliet tikber, wara tnaqqis fl‑ispejjeż u żieda fid‑dħul li mhuwiex imgħax. L‑introjtu mill‑imgħax nett, li baqa' s‑sors ewlieni tad‑dħul, baqa' b'mod ġenerali fl‑istess livell minkejja rata baxxa tal‑imgħax u tkabbir dgħajjef fis‑self. Il‑livell tal‑kapital u l‑likwidità tal‑core domestic banks baqgħu b'saħħithom u ferm ogħla mill‑minimu regolatorju. Il‑qagħda b'saħħitha tal‑kapital u tal‑likwidità ġiet ikkonfermata wkoll mir‑riżultati ta' stress tests mill‑Bank Ċentrali ta' Malta.
Il‑kundizzjonijiet finanzjarji tan‑non‑core domestic banks u tal‑banek internazzjonali baqgħu b'saħħithom u l‑ebda riskju sistemiku ma ġie identifikat, l‑aktar minħabba r‑rabtiet limitati tagħhom mal‑ekonomija Maltija. Il‑kumpaniji domestiċi tal‑assigurazzjoni u l‑fondi ta' investiment komplew jirrapportaw livelli tal‑kapital b'saħħtu, minkejja tnaqqis fil‑qligħ minħabba xenarju ta' rata baxxa tal‑imgħax.
Minkejja l‑iżviluppi pożittivi rrapportati mis‑sistema finanzjarja Maltija fl‑ewwel nofs tas‑sena, ir‑rakkomandazzjonijiet proposti fir‑Rapport dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja għall‑2015 jibqgħu relevanti u huma affermati mill‑ġdid sabiex iżommu sistema bankarja b'saħħitha u reżiljenti. Speċifikament, dawn jirrikjedu li banek jippreservaw u jsaħħu l‑kapital; ikomplu jaddottaw prattiċi prudenti ta' self; u jtaffu aktar ir‑riskju marbut mas‑self.
Ir‑Rapport Interim dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja 2016 jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta www.centralbankmalta.org.
Lura lejn l-Arkivju