News - Stqarrijiet għall-Istampa 2016
15/09/2016
Ħruġ ta’ munita numiżmatika tad-deheb li tirrappreżenta l-“Patakka”
Fis‑16 ta' Settembru 2016, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ser joħroġ munita numiżmatika tad‑deheb li tirrappreżenta l‑munita erba' tari tar‑ram, magħrufa bħala "patakka". Din il‑munita għandha valur nominali ta' €5 u ser tinbiegħ għall‑prezz ta' €60 (VAT inkluż).
Fl‑1566, il‑Gran Mastru Jean de Valette beda l‑bini tal‑Belt Valletta. Hekk kif naqsu l‑fondi tal‑Ordni minħabba l‑Assedju l‑Kbir tal‑1565, il‑Gran Mastru rrikorra għall‑istampar ta' eluf ta' muniti fiduċjarji tar‑ram sabiex ipatti għan‑nuqqas fil-muniti tad‑deheb u l‑fidda. L‑eluf ta' rġiel jaħdmu fuq il‑bini tal‑Belt Valletta kienu jingħataw is‑salarji tagħhom ta' kull ġimgħa f'ram. Il‑munita erba' tari tar‑ram, li f'Malta kienet magħrufa bħala l‑"patakka", kienet fiċ‑ċirkolazzjoni flimkien mal‑muniti tal‑fidda Maltin u Sqallin. Din il‑parità saret żbilanċjata wara l‑1636 minħabba l‑istampar ta' ammont eċċessiv ta' muniti tar‑ram. Il‑"patakka" u l‑muniti l‑oħra tar‑ram tal‑Ordni baqgħu jintużaw f'Malta matul l‑ewwel snin tat-tmexxija Ingliża. Il‑"patakka" ma baqgħetx valuta legali fil‑25 ta' April 1828.
Il‑munita numiżmatika tad‑deheb tal‑Bank ġiet iddisinjata u mnaqqxa minn Noel Galea Bason, u maħduma f'verżjoni proof. In‑naħa ta' quddiem tal‑munita turi l‑emblema ta' Malta u s‑sena tal‑ħruġ 2016. In‑naħa ta' wara tal‑munita turi rappreżentazzjoni tal‑"patakka" maħruġa mill‑Gran Mastru Jean de Valette u s‑Salib ta' Malta.
Il‑munita ser tinħadem fir‑Royal Dutch Mint f'0.999 deheb, tiżen nofs gramma u għandha dijametru ta' 11‑il millimetru. L‑istampar tagħha hu limitat għal 2,500 munita.
Il‑munita tista' tinxtara direttament milll‑e‑shop tal‑Malta Coins Distribution Centre (MCDC). Il‑munita tista' tinxtara wkoll mill‑MCDC fil‑bini prinċipali tal‑Bank Ċentrali ta' Malta ġewwa l‑Belt Valletta.
Għal iżjed informazzjoni, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑MCDC billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7.
Lura lejn l-Arkivju