News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2016

25/08/2016

Ir-Rapport tal-Bank Ċentrali ta’ Malta dwar l-Istabbiltà Finanzjarja għas-sena 2015

Il-Bank Ċentrali ta' Malta qed jippubblika t-tmien edizzjoni tar-Rapport dwar l-Istabbiltà Finanzjarja. Ir-Rapport ikopri żviluppi fis-sistema finanzjarja Maltija matul l-2015, jidentifika l-isfidi ewlenin u l-potenzjal ta' vulnerabbiltajiet għas-sistema finanzjarja. Ir-Rapport jevalwa wkoll il-kapaċità tas-sistema biex tegħleb dawn ir-riskji.

Ir-Rapport jibda billi jagħti ħarsa ġenerali lejn ix-xenarji ekonomiċi domestiċi u internazzjonali, partikolarment fiż-żona tal-euro, biex b'hekk jistabbilixxi l-kuntest li fih kienet qed topera s-sistema finanzjarja Maltija matul il-perjodu kopert. Ir-Rapport imbagħad janalizza r-riskji ewlenin għall-istabbiltà finanzjarja li jiffaċċja s-settur bankarju f'Malta u l-kapaċità tiegħu biex jegħleb dawn ir-riskji, filwaqt li jinkludi wkoll testijiet tal-istress ġerarkiċi (top-down stress tests). L-analiżi tas-settur bankarju jiddistingwi bejn core domestic banks, non-core domestic banks u banek internazzjonali. Ir-Rapport janalizza wkoll l-iżviluppi fil-kumpaniji tal-assigurazzjoni u l-fondi ta' investiment, kif ukoll deskrizzjoni tal-miżuri ewlenin tal-politika makroprudenzjali li ġew implimentati matul l-2015. Ir-Rapport jikkonkludi b'evalwazzjoni tar-riskji identifikati u jagħmel rakkomandazzjonijiet sabiex jonqsu dawn ir-riskji. Din l-edizzjoni tinkludi wkoll artikli dwar temi partikolari, bħal analiżi tar-riżultati tal-istħarriġ dwar is-self tal-banek (Bank Lending Survey); spjegazzjoni tal-eżerċizzju tal-istress (univariate stress test) aġġornat għar-riskju ta' likwidità; introduzzjoni għall-qafas ta' stress test makroekonomiku (Macro Stress Testing); u deskrizzjoni tas-Solvency II.

Fl-2015, l-assi totali tal-core domestic banks żdiedu bi 3.5% u laħqu kważi l-235% tal-prodott domestiku gross (PDG). Dan it-tkabbir seħħ primarjament minħabba żieda fid-depożiti mal-Eurosistema u self ipotekarju, li kien iffinanzjat minn fluss sostnut ta' depożiti tal-klijenti. Kollox ma' kollox, it-tkabbir fis-self totali kien pjuttost ikkontrollat minħabba tnaqqis fis-self lil kumpaniji mhux finanzjarji, li ġie milqut l-aktar minn tnaqqis fis-self lis-settur pubbliku u lill-barranin. It-tkabbir aktar mgħaġġel fid-depożiti tal-klijenti, meta mqabbel mas-self, kompla jnaqqas il-proporzjon bejn is-self u d-depożiti għal 58.3% sal-aħħar tal-2015. Din ir-rata hi sinifikament aktar baxxa mill-medja taż-żona tal-euro li kienet 101%. Il-core domestic banks sostnew it-titjib fil-kwalità tal-assi tagħhom, bil-proporzjon tas-self fejn il-ħlas qiegħed b'lura (non-performing loans, NPL) jonqos b'0.4 punt perċentwali għal 7.2% sal-aħħar tal-2015. Dan it-titjib seħħ minħabba l-kumpaniji mhux finanzjarji, speċjalment dawk li joperaw fis-settur tal-kostruzzjoni. Filwaqt li żviluppi bħal dawn fis-settur bankarju huma pożittivi, ir-riskju marbut mas-self jibqa' joffri sfida ewlenija għal core domestic banks minħabba l-istokk storiku ta' NPLs. Għaldaqstant hu meħtieġ aktar titjib fil-coverage ratios. Fl-2015, il-core domestic banks komplew iżidu l-provvedimenti, u b'hekk il-coverage ratio tjieb għal 43.5%.

Matul l-2015, il-profitti tal-core domestic banks irkupraw, wara żieda fl-introjtu mill-imgħax nett, kif ukoll minħabba qligħ min-negozju u qligħ mhux tan-negozjar. Madankollu, il-profittabbiltà baqgħet stabbli meta mqabbla mas-sena ta' qabel, bil-qligħ fuq l-ishma jkun ta' 9.9% u l-qligħ fuq l-assi jkun ta' 0.7% fl-2015. Il-profittabbiltà baqgħet ogħla mill-medja għal banek żgħar fiż-żona tal-euro. Il-livelli ta' kapital tal-core domestic banks baqgħu b'saħħithom, bit-Total Capital Ratio u t-Tier 1 Capital Ratio jkunu 15.0% u 12.2%, rispettivament, fl-aħħar tal-2015. It-tnejn li huma kienu ferm ogħla mill-minimi regolatorji. Bl-istess mod, il-livelli ta' likwidità baqgħu b'saħħithom, kif indikat mid-diversi proporzjonijiet regolatorji. Ir riżultati tat-testijiet tal-istress ġerarkiċi (top-down stress tests) li għamel il-Bank Ċentrali ta' Malta għal diversi xenarji negattivi ipotetiċi kkonfermaw mill-ġdid is-saħħa tal-core domestic banks.

Ir-riskji li jirriżultaw minn non-core domestic banks u banek internazzjonali baqgħu mrażżna filwaqt Ii r-rabtiet mal-ekonomija domestika baqgħu limitati. L-assi totali tan-non-core domestic banks kienu 26.8% tal-PDG fl-2015. Fl-istess waqt, l-assi totali tal-banek internazzjonali naqsu xi ftit għal 275.3% tal-PDG. Dan it-tnaqqis seħħ l-aktar minħabba żviluppi f'żewġ fergħat kbar ta' banek li mhumiex fl-UE. Iż-żewġ kategoriji ta' banek irrappurtaw profitti għoljin matul l-2015, bil-profitti tan-non-core domestic banks jerġgħu jidħlu f'territorju pożittiv. Il-livelli ta' kapital u likwidità baqgħu ogħla mill-minimu mitlub mir-regoli.

Is-setturi tal-assigurazzjoni u tal-fondi ta' investiment komplew juru xejra pożittiva, bis-saħħa ta' operazzjonijiet konservattivi tan-negozju u strateġiji prudenti ta' investiment.

Ir-Rapport jikkonkludi li s-sistema finanzjarja domestika baqgħet b'saħħitha fi sfond ta' ekonomija Maltija li qed tikber b'rata mgħaġġla. Din ir-reżiljenza hi wkoll sostnuta minn miżuri makroprudenzjali li għadhom kif ġew introdotti u li huma ddisinjati biex itaffu riskji sistemiċi potenzjali. Vulnerabbiltajiet potenzjali li ġew identifikati fl-2014 baqgħu rilevanti fl-2015, għalkemm ċerti riskji battew fl-2015. Il-prospetti għall-istabbiltà finanzjarja huma pożittivi, b'uħud mir-riskji identifikati mistennija jkomplu jbattu fl-2016. Fid-dawl tal-analiżi li jinsab fir-Rapport, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Bank Ċentrali ta' Malta li kienu proposti fl-2014, jiġifieri politika prudenti fit-tqassim ta' dividendi, livelli ogħla ta' provvedimenti u proċessi msaħħa ta' valutazzjoni tal-kollateral, għadhom rilevanti. Barra minn hekk, il-Bank Ċentrali ta' Malta jirrakkomanda wkoll lill-banek sabiex b'riżoluzzjoni tajba jindirizzaw il-kwistjoni tal-istokk tagħhom ta' NPLs datati. 

Ir‑Rapport dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja jista' jitniżżel mis‑sit elettroniku www.centralbankmalta.org jew jinkiseb fil‑forma stampata mill‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Lura lejn l-Arkivju