News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2016

05/08/2016

Tnedija ta’ munita tal-fidda u bolla stampata fuq fuljetta tal-fidda li jfakkru l-mitt anniversarju mit-twelid ta' Dom Mintoff

Fis‑6 ta' Awwissu 2016, il‑Bank Ċentrali ta' Malta u l‑MaltaPost ser iniedu prodott numiżmatiku konġunt li jfakkar il‑mitt anniversarju mit‑twelid tal‑eks‑Prim Ministru ta' Malta, Dom Mintoff. Il-prodott huwa sett li jikkonsisti f'munita tal‑fidda u replika ta' bolla stampata fuq fuljetta tal‑fidda.

Il‑munita, maħduma fir‑Royal Dutch Mint, turi l‑emblema ta' Malta u s‑sena tal‑ħruġ 2016 fuq in‑naħa ta' quddiem, filwaqt li fuq in‑naħa ta' wara hemm xbieha ta' Dom Mintoff. Ir‑replika ta' bolla stampata fuq fuljetta tal‑fidda ġiet prodotta wkoll għall‑MaltaPost mir‑Royal Dutch Mint, u turi l‑bolla postali ta' €3 bi xbieha ta' Dom Mintoff. 

Il‑munita, li tista' wkoll tinxtara waħedha, għandha valur nominali ta' €10. Il‑munita hi maħduma f'0.925 fidda, tiżen 28.28 grammi u għandha dijametru ta' 38.61 mm. Il‑munita hi maħduma f'verżjoni proof u l‑istampar tagħha hu limitat għal 2,000 munita. Il‑munita kienet iddisinjata u mnaqqxa mill‑artist Malti Noel Galea Bason.

Dan il‑prodott konġunt hu disponibbli f'kaxxa attraenti u huwa limitat għal 500 sett. Is‑settijiet jistgħu jinxtraw mill‑Malta Coins Distribution Centre (MCDC) fil‑bini prinċipali tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, fi Pjazza Kastilja ġewwa l‑Belt Valletta, jew mill‑e‑shop tal‑MCDC, u mill‑fergħat tal‑MaltaPost jew online permezz tas‑sit elettroniku http://www.maltaphilately.com/.

Għal aktar tagħrif, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑MCDC billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7.

 100th anniversary of the birth of Dom Mintoff - silver coin                               100th anniversary of the birth of Dom Mintoff - joint product

Lura lejn l-Arkivju