News - Stqarrijiet għall-Istampa 2016
26/05/2016
Munita li tfakkar l-450 anniversarju mit-twaqqif tal-Belt Valletta
Fis-27 ta' Mejju 2016, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ser joħroġ munita tal‑fidda li tfakkar l‑erba' mija u ħamsin anniversarju mit‑twaqqif tal‑belt kapitali ta' Malta, il-Belt Valletta.
Din il‑munita tal‑fidda għandha valur nominali ta' €10, maħduma f'verżjoni proof u l‑istampar tagħha hu limitat għal 3,000 munita. Hi maħduma f'0.925 fidda, tiżen 28.28 grammi u għandha dijametru ta' 38.61 millimetru.
Il‑munita ġiet iddisinjata u mnaqqxa minn Noel Galea Bason, u ser tinħadem fir‑Royal Dutch Mint. In‑naħa ta' quddiem tal‑munita turi l‑istemma araldika ta' Malta bid‑data 2016. In‑naħa ta' wara tal‑munita turi lill‑arkitett Francesco Laparelli u l‑assistent tiegħu Gerolamo Cassar jikkonsultaw mal‑Gran Mastru Jean de Valette dwar il‑bini tal‑belt Valletta. Kien ilu ppjanat għal żmien twil li tinbena belt ġdida ffortifikata fuq l‑għoljiet tal-peniżola Sceberras. Iżda kien biss wara l‑Assedju l‑Kbir tal‑1565 li l‑Ordni ta' San Ġwann, bl‑appoġġ tal‑Papa u r‑Re ta' Spanja, ikkommettiet ruħha sew għal dan il‑proġett. Il‑belt il‑ġdida ġiet iddisinjata minn Francesco Laparelli, l‑arkitett tal‑Papa, u l‑ewwel ġebla tagħha tqiegħdet mill‑Gran Mastru Jean de Valette fit‑28 ta' Marzu 1566. Ingħatat l‑isem Valletta f'ġieħ il‑Gran Mastru. Fl‑1571, l‑Ordni mmexxija mill‑Gran Mastru Pietro del Monte, ittrasferixxiet il‑kwartieri tagħha mill‑Birgu għall‑Belt Valletta. Minn dakinhar serviet bħala l‑belt kapitali ta' Malta. Bil‑fortifikazzjonijiet impressjonanti u l‑binjiet u l‑monumenti eċċellenti tagħha, il‑Belt Valletta ġiet iddikjarata bħala sit ta' wirt dinji mill‑UNESCO fl‑1980.
Il‑munita tista' tinxtara direttament milll‑eShop tal‑Malta Coins Distribution Centre, jew mill‑bini prinċipali tal‑Bank Ċentrali ta' Malta. Il‑munita ser tinbiegħ għall‑prezz ta' €60.
Għal iżjed informazzjoni, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑Malta Coins Distribution Centre billi jibgħat email jew iċempel fuq +356 2550 6006/7/8.
Lura lejn l-Arkivju