News - Stqarrijiet għall-Istampa 2016
22/04/2016
Muniti li jfakkru l-arti ta’ Antonio Sciortino
Fil‑25 ta’ April 2016, il‑Bank Ċentrali ta’ Malta ser joħroġ muniti numiżmatiċi tad‑deheb u l‑fidda li jfakkru l‑arti ta’ Antonio Sciortino. Il‑muniti ser jinħarġu taħt l‑Europa Programme bit‑tema “is‑seklu għoxrin modern” u għandhom il‑marka tal‑logo Europa Star.
Il‑munita tad‑deheb għandha valur nominali ta’ €50, filwaqt li l‑munita tal‑fidda għandha valur nominali ta’ €10. Il‑munita tal‑fidda tal‑€10 hi maħduma f’0.925 fidda, tiżen 28.28 grammi u għandha dijametru ta’ 38.61 millimetru. L‑istampar hu limitat għal 3,000 munita. Il‑munita tad‑deheb tal‑€50 hi maħduma f’0.916 deheb, tiżen 6.5 grammi u għandha dijametru ta’ 21 millimetru. L‑istampar hu limitat għal 1,000 munita. Iż‑żewġ muniti huma maħduma fil‑verżjoni proof.
Il‑muniti ġew iddisinjati u mnaqqxa minn Noel Galea Bason, u maħduma fir‑Royal Dutch Mint. In‑naħa ta’ wara tal‑muniti turi rappreżentazzjoni tal‑iskultura ta’ Antonio Sciortino bl‑isem ta’ ‘Dangerous Sport’, li l-artist ipproduċa fl-1937. Sciortino jista’ jitqies bħala l‑aqwa artist Malti ta’ fama internazzjonali. Qatta’ l‑biċċa l‑kbira tal‑ħajja tax‑xogħol tiegħu f’Ruma fejn ipproduċa numru kbir ta’ xogħlijiet inkluż ‘Dangerous Sport’. L‑interess ta’ Sciortino li jaqbad il‑movimenti hu evidenti f’dan ix‑xogħol ta’ arti, li wera l‑istil hekk simboliku tax‑xogħlijiet progressivi tal‑artist. Il‑faċċata ta’ quddiem tal‑muniti turi l‑wiċċ ġdid tal‑muniti tal‑Europa Programme li jinkludi l‑istemma araldika ta’ Malta.
Il‑muniti ta’ din is‑sena ser ikunu parti minn serje ta’ ħames snin iddedikati lil perjodi differenti ta’ forom ta’ arti u storja Ewropea li nġabru fi gruppi ġeneriċi bħala: is‑Seklu għoxrin modern (2016), Żmien il‑ħadid u l‑ħġieġ (2017), Barokk u Rokokò (2018), Rinaxximent (2019) u Gotiku (2020).
Il‑muniti jistgħu jinxtraw direttament milll‑e‑shop tal‑Malta Coins Distribution Centre, jew mill‑bini prinċipali tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta. Il‑munita tad‑deheb ser tinbiegħ għall‑prezz ta’ €320, filwaqt li l‑munita tal‑fidda ser tinbiegħ għall‑prezz ta’ €60.
Għal iżjed informazzjoni, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑Malta Coins Distribution Centre billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7.
Lura lejn l-Arkivju