News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2016

11/04/2016

Ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet għad-disinn ta’ munita - ‘Mit-tfal b’Solidarjetà’

L‑Eċċellenza Tagħha l‑President ta' Malta, Marie‑Louise Coleiro Preca, mexxiet ċerimonja tal‑għoti ta' premjijiet ta' kompetizzjoni organizzata mill‑Bank Ċentrali ta' Malta b'kollaborazzjoni mal‑Malta Community Chest Fund. Iċ‑ċerimonja timmarka l‑ewwel disinn ta' programm dwar ħruġ ta' muniti b'temi soċjali, li jinvolvi l‑istudenti mill‑iskejjel sekondarji kollha, bit‑tema: 'Mit‑tfal b'Solidarjetà'. Id‑disinn rebbieħ ser jiġi rrappreżentat fuq munita kommemorattiva taż‑€2 li ser tinħareġ mill‑Bank Ċentrali ta' Malta permezz ta' coin cards u stoċċijiet tal‑munita kommemorattiva, u ser ikunu disponibbli għall‑bejgħ aktar tard din is‑sena. Id‑dħul mill‑bejgħ tal‑coin cards ser imur għall‑Malta Community Chest Fund.

Il‑Professur Josef Bonnici, il‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, stqarr li "il‑Bank Ċentrali ta' Malta hu sodisfatt li qed jiġi assoċjat mal‑Malta Community Chest Fund fuq l‑inizjattiva, 'Mit‑tfal b'Solidarjetà'. Filwaqt li l‑programm joffri l‑opportunità lit‑tfal sabiex jesprimu ruħhom b'mod artistiku fuq it‑temi magħżula, il‑programm jipprovdilhom ukoll għarfien dwar persuni inqas ixxurtjati fis‑soċjetà".

Il‑President Coleiro Preca rringrazzjat lill‑Gvernatur u lill‑Bank Ċentrali ta' Malta li ħareġ b'din l‑inizjattiva assoċjata mat‑tema tal‑'Imħabba', u talli involva lit‑tfal f'dan il‑proċess. Hi stqarret ukoll li l‑Bank Ċentrali ta' Malta bagħat messaġġ qawwi meta saqsa lit‑tfal jesprimu ruħhom dwar l-imħabba u dan għaliex it‑tfal huma l‑preżent u l‑futur tagħna, u b'hekk jagħtu eżempju lill-adulti.

Il‑President aċċennat l‑appell tagħha lit‑tfal sabiex iħobbu dejjem lil xulxin, u "sabiex dejjem ifakkru lilna l‑adulti li għandna nħobbu lil xulxin, anke jekk xi kultant ikollna opinjonijiet differenti minn xulxin. Pajjiżna jista' verament jimxi 'l quddiem u jipprovdikom b'futur sod jekk inkunu kollha magħqudin. Huwa meta aħna nħaddnu t‑tifsira vera tal‑valur tal‑imħabba li nkunu mbagħad nistgħu nħaddnu valuri oħrajn bħall‑valur tas‑solidarjetà."

Ġew ippreżentati total ta' 168 disinn għal din il‑kompetizzjoni, li kienet ikkoordinata wkoll mill‑Ministeru għall‑Edukazzjoni u x‑Xogħol. Id‑disinn rebbieħ ġie sottomess minn Sarah Louise Cilia, u r-runners‑up kienu Mia Gauci, Luana Zahra, Rachel Callus u Claria Cutajar.

Ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet għad-disinn ta’ munita - ‘Mit-tfal b’Solidarjetà’

Lura lejn l-Arkivju