News - Stqarrijiet għall-Istampa 2015
17/11/2015
Ħruġ ta’ munita numiżmatika tad-deheb li tirrappreżenta l‑one-third farthing
Fid‑19 ta’ Novembru 2015, il‑Bank Ċentrali ta’ Malta ser joħroġ munita numiżmatika tad‑deheb li tirrappreżenta l‑one‑third farthing. Din il‑munita għandha valur nominali ta’ €5 u ser tinbiegħ għall‑prezz ta' €60 (VAT inkluż).
Bl‑introduzzjoni tal‑muniti Ingliżi f’Malta fl‑1825, inħasset il‑ħtieġa li jkun hemm munita ekwivalenti għall‑grano, li kienet l‑iżgħar denominazzjoni użata fi żmien l‑Ordni ta’ San Ġwann. L‑ewwel one‑third farthing inħadmet għall‑użu f’Malta fi Frar tal‑1827 fir‑Royal Mint tal‑Ingilterra. Din il‑munita, li kienet magħrufa lokalment bħala l‑ħabba, ma baqgħetx tinħadem wara l‑1913 u jidher li kienet ħarġet miċ‑ċirkolazzjoni sas‑snin tletin.
Il‑munita numiżmatika tad‑deheb tal‑Bank ġiet iddisinjata u mnaqqxa minn Noel Galea Bason, u maħduma f'verżjoni proof. In‑naħa ta’ quddiem tal‑munita turi l‑emblema ta’ Malta u s‑sena tal‑ħruġ 2015, filwaqt li n‑naħa ta’ wara tal‑munita turi rappreżentazzjoni tal‑ewwel disinn tal‑one‑third farthing użata f’Malta bejn l‑1827 u l‑1860. Il‑munita turi l‑figura ta’ Brittanja bilqiegħda u bil‑foxxna f’idha.
Il‑munita hi maħduma f’0.999 deheb fir‑Royal Dutch Mint, tiżen nofs gramma u għandha dijametru ta’ 11‑il millimetru. L‑istampar tagħha hu limitat għal 2,500 munita. Il‑munita tista’ tinxtara mill‑Malta Coins Distribution Centre fil‑bini prinċipali tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta ġewwa l‑Belt Valletta, jew billi timtela l‑formola li tinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank.
Għal iżjed informazzjoni, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑Malta Coins Distribution Centre billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7/8.
Lura lejn l-Arkivju