News - Stqarrijiet għall-Istampa 2015
13/03/2015
European Money Week - Żjara mill-istudenti ġewwa l-Bank Ċentrali ta’ Malta
Iktar minn sebgħin student u studenta minn skejjel privati, tal‑Knisja u tal‑Gvern riċentement żaru il‑Bank Ċentrali ta' Malta fi Pjazza Kastilja ġewwa l‑Belt Valletta. Iż‑żjara kienet tagħmel parti mill‑attivitajiet tal‑European Money Week organizzati mill‑Assoċjazzjoni tal‑Bankiera Maltin. Dawn l‑attivitajiet inkludew serje ta' avvenimenti kemm fuq livell nazzjonali, kif ukoll fuq livell Ewropew, bl‑għan li titqajjem kuxjenza pubblika dwar l‑importanza ta' għarfien finanzjarju sa minn età żgħira, u l‑bżonn li titjieb l‑edukazzjoni finanzjarja fost l‑istudenti tal‑iskejjel primarji u sekondarji.
Matul din iż‑żjara edukattiva, l‑istudenti kellhom l‑opportunità jaraw waħda mill‑akbar għażla ta' muniti numiżmatiċi u karti tal‑flus li għandna fi gżiritna, u li huma esebiti fis‑sala prinċipali tal‑Bank. Iż‑żjara kienet segwita minn preżentazzjoni u diskussjoni dwar l‑irwol u l‑funzjonijiet tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.
Lura lejn l-Arkivju