News - Stqarrijiet għall-Istampa 2015
30/04/2015
Ħruġ ta’ munita numiżmatika li tfakkar lill-Papa Ġwanni Pawlu II
Fit‑30 ta' April 2015, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ħareġ munita tad‑deheb li tfakkar lill‑Papa Ġwanni Pawlu II, fl‑għaxar anniversarju mill‑mewt tiegħu. Il‑munita għandha valur nominali ta' €5 u ser tinbiegħ għall‑prezz ta' €60 (VAT inkluż).
Karol Josef Wojtyla twieled fit‑18 ta' Mejju 1920 f'Wadowice, il‑Polonja. Huwa kien l‑iżgħar mit‑tlett ulied ta' Karol Wojtyla u Emilia Kaczorowska. Kien ordnat qassis fl‑1 ta' Novembru 1946, inħatar Arċisqof ta' Krakovja fl‑1964 u Kardinal f'Ġunju 1967. Il‑Kardinal Wojtyla kien elett Papa fis‑16 ta' Ottubru 1978. Matul il‑Pontifikat tiegħu, Ġwanni Pawlu II għamel 104 vjaġġi appostoliċi internazzjonali, ibbeatifika 1,338 persuna u ikkanonizza 482 qaddis.
Il‑Papa Ġwanni Pawlu II miet fit‑2 ta' April 2005, u ġie ddikjarat qaddis mill‑Papa Franġisku fis‑27 ta' April 2014.
Din il‑munita tad‑deheb kienet iddisinjata u mnaqqxa minn Noel Galea Bason, u hi maħduma f'verżjoni proof. Il‑faċċata ta' quddiem tal‑munita turi l‑emblema ta' Malta u s‑sena tal‑ħruġ 2015, filwaqt li l‑faċċata ta' wara tal‑munita turi xbieha tal‑Papa Ġwanni Pawlu II.
Il‑munita hi maħduma f'0.999 deheb fir‑Royal Dutch Mint, tiżen nofs gramma u għandha dijametru ta' ħdax‑il millimetru. L‑istampar tagħha hu limitat għal 5,000 munita.
Il‑munita tista' tinxtara mill‑Malta Coins Distribution Centre fil‑bini prinċipali tal‑Bank Ċentrali ta' Malta ġewwa l‑Belt Valletta, jew billi timtela l‑formola li tinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank.
Għal iżjed informazzjoni, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑Malta Coins Distribution Centre billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7/8.
Lura lejn l-Arkivju